610 resident mix-Xgħajra jiffirmaw ittra kontra żvilupp high-rise max-xatt tal-lokalità

Sitt mija u għaxar resident jew sid tà proprjetà fix-Xgħajra ffirmaw ittra indirizzata lill-Awtorità tal-Ippjanar fejn iddikjaraw l-oppożizzjoni tagħhom kontra tliet torrijiet high-rise max-xatt tax-Xgħajra. L-ittra għandha wkoll l-appoġġ ta’ 204 individwi oħrajn.

Ir-residenti bagħtu l-ittra wara li l-Kunsill Lokali tax-Xgħajra, wara li s-Sindku rtira l-oġġezzjoni li kien ippreżenta qabel.

Is-sottomissjoni tar-residenti telenka l-ħafna punti ta’ tħassib marbutin mal-impatt ta’ dan il-proġett fuq ix-Xgħajra u lil hinn minnha. L-iżvilupp jikkonsisti fi tliet torrijiet ta’ 15-il sular il-wieħed u se jinvolvi l-bini ta’ mijiet ta’ appartamenti residenzjali ġodda. Ir-residenti qed jisħqu li dan se jwassal għal żieda xejn sostenibbli fil-popolazzjoni tal-lokalità kif ukoll pressjoni miżjuda li l-infrastruttura eżistenti ma tiflaħx għaliha. 

Fl-istess waqt ikkritikaw il-wegħdiet tal-iżviluppaturi ta’ “plaza” biswit it-torrijiet minħabba li l-lokalità bħalissa diġà qiegħda tgawdi diversi spazji miftuħa naturali. Żiedu jgħidu li l-ġustifikazzjoni ta’ dan il-proġett fuq bażi tal-politika tal-Floor Area Ratio (FAR) hija dubjuża ferm meta tqis li l-iżvilupp propost jidher li qed jikser diversi klawsoli tal-politika FAR.

L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) kif ukoll is-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali diġà esprimew in-nuqqas ta’ qbil tagħhom ma’ dan l-iżvilupp.

Ir-residenti temmew l-ittra tagħhom billi appellaw lill-awtoritajiet u lill-iżviluppaturi biex jiżguraw li kwalunkwe żvilupp f’din il-lokalità jkun jirrispetta lin-nies tax-Xgħajra u l-ambjent naturali u urban tagħha. Il-Moviment Graffitti u Flimkien għal Ambjent Aħjar qed jappoġġjaw it-talbiet tar-residenti.

Share With: