32 xahar ħabs wara li kisser 13-il bus stop

Solomon Abrham Tekelu, Eritrean ta’ 31 sena, kien ikkundannat 32 xahar ħabs wara li ammetta li għamel ħsara fi 13-il bus stop madwar il-pajjiż. Il-ħsara li kkawża kienet tlaħħaq il-€15,082.

Il-każ seħħ fil-lejl ta’ bejn it-23 u l-24 ta’ Ottubru 2020, x’ħin il-Pulizija kienu infurmati li kien hemm raġel ikisser bus stop fi Triq Dun Karm, Birkirkara.

Meta l-Pulizija marru fuq il-post, sabu lir-raġel li kellu l-qalziet bid-demm. Minn tfittxija li saret fuqu u fil-basket li kellu wara dahru, instabu ħadida twila u biċċiet tal-ħġieġ. 

Minn iżjed stħarriġ, irriżulta li fl-istess xahar, allegatament ivvandalizza 13-il bus stop, uħud iżjed minn darba madwar Malta – il-Marsa, Ħal Luqa, Wied il-Għajn, il-Ħamrun, Ħal Lija, San Pawl il-Baħar, Burmarrad, iċ-Ċirkewwa u l-Mellieħa. 

Huwa tressaq fil-Qorti fejn ammetta l-akkużi miġjuba kontrieh, li għamel ħsara volontarja u li sar reċediv. Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, filwaqt li sabitu ħati, osservat li din ma kinitx l-ewwel darba li l-imputat xellef difrejgħ mal-ġustizzja. 

Il-Maġistrat Frendo Dimech ikkunsidrat ukoll li fl-ebda ħin Tekelu ma wera rimos għal għemilu jew offra li jagħti kumpens għall-ħsara li għamel. “Dan ikompli jixhed il-periklu li tippreżenta din il-persuna għall-komunità jekk mingħajr ma jkun hemm żmien biex tirrijabilita ruħha verament, ma għandhiex titħalla libera fis-soċjetà.” Kien għalhekk li kkundannatu 32 xahar priġunerija.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Joseph Mercieca u Roderick Spiteri.

Share With: