1,690 telefonata fuq il-helpline 153 f’ħames xhur

L-akbar ammont ta’ telefonati kienu dwar skemi ta’ għajnuna għall-persuni b’diżabilità

Minn Claudio Coleiro

Is-servizz tal-helpline 153, li joffri għajnuna lill-persuni b’diżabilità u l-familjari tagħhom, bejn Novembru 2020 u April 2021, irċieva total ta’ 1,690 telefonata, b’217 minnhom ikunu relatati mal-Aġenzija Sapport. Minn dawn tal-aħħar, 191 każ ġew konklużi filwaqt li 26 għadhom attivi.

B’rabta ma’ dan is-servizz, fl-aħħar jiem tkellimna mal-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport Ruth Sciberras li spjegatilna kif ir-rispons li kellhom mit-tnedija tal-helpline f’Novembru li għadda kien wieħed tajjeb ħafna.

“Dan il-helpline hu għall-persuni b’diżabilità u l-familjari tagħhom li jkunu jridu għajnuna dwar xi servizz tal-Aġenzija Sapport. Ġieli jċemplu fuq servizzi oħra ta’ diżabilità u mbagħad aħna niggwidawhom fejn iridu jċemplu,” qalet Sciberras li żiedet tgħid ukoll li l-uffiċjali li jwieġbu t-telefonati huma marbutin bil-kunfidenzjalità.

“Il-ħtieġa tal-helpline nħasset biex il-persuni b’diżabilità jkollhom linja diretta għalihom biex ma joqogħdux imorru minn post għall-ieħor. Kellna suċċess fejn in-nies qegħdin iċemplu u naħsbu li din il-linja serviet ta’ ġid.” 

Sciberras qalet ukoll li anke f’dan iż-żmien ta’ pandemija, il-helpline, li huwa miftuħ mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn it-8.00 a.m. u l-4.00 p.m., kien ta’ għajnuna għall-persuni b’diżabilità u l-familjari tagħhom li riedu jieħdu xi servizz jew informazzjoni minn xi dipartiment partikolari jew biex isaqsu fiex wasal il-każ tagħhom.

Mistoqsija fuqiex ċemplu l-aktar, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport qalet li l-akbar ammont ta’ telefonati kienu dwar skemi fejn persuni b’diżabilità jistgħu japplikaw u jingħataw sussidju meta jixtru apparat assistiv, kif ukoll sussidju jew eżenzjoni tar-reġistrazzjoni u tal-liċenzja tat-triq meta wieħed jixtri karozza modifikata.

“Is-servizzi tagħna dejjem jiżdiedu biex nilħqu kemm jista’ jkun persuni b’diżabilità. Dejjem naraw il-persuni b’diżabilità x’għandhom bżonn u niftħu aktar servizzi għalihom. Nagħtu wkoll servizzi għal meta persuna jkollha accident u li riżultat ta’ hekk tiżviluppa diżabilità. Aħna qegħdin hemm għall-persuni b’diżabilità u l-familjari tagħhom,” qalet Sciberras. 

Finalment, staqstejnieha f’hiex wasal il-proċess ta’ tilqim fost il-persuni b’diżabilità. Hija qaltilna li: “konna minn tal-ewwel li laqqamna persuni b’diżabilità li joqogħdu fi djar residenzjali u laqqamna l-istaff ukoll. Għandna l-istaff taċ-ċentri mlaqqmin ukoll. Sal-aħħar ta’ April ikollna l-persuni b’diżabilità, dawk li jiġu ċ-ċentri fil-komunità mlaqqmin ukoll. Mexjin b’ritmu tajjeb ħafna. Qegħdin iktar ‘il quddiem fil-programm ta’ tilqim. Il-maġġoranza tal-persuni b’diżabilità fid-djar residenzjali u l-istaff imlaqqmin bit-tieni doża. Hija xi ħaġa li vera xtaqnieha biex ikollna inqas riskju li l-infezzjoni tinfirex.”

Dan is-servizz tal-Helpline ta’ Aġenzija Sapport hu aċċessibbli billi wieħed iċempel fuq Freephone 153 u jagħfas in-numru 5. 

Share With: