1,261 multa f’ġimgħa dwar ksur tar-regoli tal-Covid-19

F’temp ta’ ġimgħa, eżattament mill-5 ta’ April sal-11 ta’ April, b’kollox 1,261 persuna ġew immultati minħabba li kisru r-regoli maħsuba biex ikun ikkontrollat it-tixrid tal-Covid-19 f’pajjiżna. 

Minn dawn, 784 persuna ġew immultati għax kienu f’post pubbliku mingħajr il-maskra filwaqt li 366 kisru r-regoli marbuta ma’ gruppi fil-pubbliku.

Fl-istess waqt kien hemm 92 persuna li kisru r-regoli ta’ kemm jistgħu jiltaqgħu fi djar privati, 6 li kisru r-regoli għall-istabbilimenti u 13-il persuna li ma segwewx l-obbligu ta’ kwarantina.

L-awtoritajiet sostnew li filwaqt li bil-mod bdew jiġu rilaxxati uħud mill-miżuri, l-infurzar se jibqa’ wieħed b’saħħtu. Appellaw biex kulħadd jibqa’ jżomm id-distanza fiżika u biex kulħadd isegwi l-miżuri li għadhom fis-seħħ. Fost dawn hemm li gruppi ta’ aktar minn żewġ persuni, sakemm mhux mill-istess dar, mhumiex permessi fil-pubbliku. Mhux permess lanqas li jkun hemm aktar minn żewġ familji differenti fl-istess dar.

Il-Pulizija fakkret li min jixtieq jirrapporta xi ksur tar-regolamenti tal-Covid-19 jista’ jċempel fuq 2122 4001.

Share With: