10 każijiet ta’ individwi u familji li mxew għall-ħajja indipendenti

Miktub minn Maria Azzopardi

F’din l-aħħar sena, mill-programm residenzjali u minkejja d-diffikultajiet li ġabet magħha l-pandemija, Fondazzjoni Dar il-Hena rnexxielha twassal 10 każijiet ta’ individwi u familji li mxew għall-ħajja indipendenti. Dan ġie kkonfermat mill-Manager ta’ Fondazzjoni Dar il-Hena, Ian Galea, f’kummenti li ta lil dan il-ġurnal.

Minkejja l-isfidi li nħolqu b’effett tal-pandemija, Galea qal li mix-xelters ta’ emerġenza, bl-għajnuna tal-istaff u kif ukoll tal-ħaddiema soċjali u tal-individwi nfushom, osservaw numru ta’ nies li dawwru l-esperjenza forsi xi ftit negattiva li ġabet magħha l-pandemija f’tagħlima biex bdew jieħdu deċiżjonijiet aktar sani u li ssarfu biex pereżempju sabu impjieg u żammewh, jew iddeċiedew li jagħmlu xi ħaġa b’ħajjithom u daħlu għall-programm ta’ rijabilitazzjoni.

Diversi sfidi tul din l-aħħar sena

Mistoqsi x’kienu uħud mill-isfidi li ltqagħu magħhom u osservaw tul il-pandemija, Galea qal li l-isfidi partikolari li raw tul din l-aħħar sena kienu ta’ individwi li spiċċaw mingħajr saqaf fuq rashom minħabba nuqqas ta’ impjieg b’effett dirett tal-pandemija kif ukoll individwi li sofrew ħafna s-solitudni minħabba l-pandemija.

Sfida oħra li osservaw tul din l-aħħar sena kienet dik tal-impatt li ħalla l-biża’ tal-fenomenu tal-pandemija kemm fuq il-ħaddiema kif ukoll fuq ir-residenti. Galea spjega wkoll li kellhom jintroduċu u jinfurzaw miżuri biex jassiguraw is-saħħa kemm tal-ħaddiema tagħhom kif ukoll tar-residenti u li jaraw li dawn l-istess miżuri jiġu infurzati.

Fatturi li qed iwasslu biex ikun hawn nies bla saqaf 

Mistoqsi dwar liem huma l-iktar fatturi li qed iwasslu biex ikun hawn nies bla saqaf f’dawn l-aħħar snin, Galea qal li l-fatturi maġġuri jinkludu persuni li għaddejjin minn problemi relatati ma’ ‘addiction’; problemi ta’ natura ta’ saħħa mentali; immigranti li jkunu ġew itterminati mill-AWAS u għad għandhom l-applikazzjoni għall-ażil pendenti; vjolenza domestika; relazzjonijiet jew żwiġijiet li jitkissru; u persuni li tilfu xogħlhom minħabba l-fatt li l-pandemija affetwat is-settur tagħhom u qegħdin fit-tranżizzjoni ta’ xogħol alternattiv.

Mistoqsi dwar liem huma l-aktar nies li jirrikorru għandhom, huwa qal li peress li l-problemi huma varji, allura jolqtu faxex differenti tas-soċjetà Maltija. Spjega li bħala etajiet jinnutaw li l-faxxa ta’ bejn l-20 sena u l-40 sena huma l-iktar prevalenti fost etajiet oħra.

“Inħossu li l-proċess biex persuna taċċessa u tagħmel użu mix-xelters ittawwal xi ftit”

Mistoqsi jekk innutawx xi żieda mill-bidu tal-pandemija sa issa ta’ persuni bla saqaf fuq rashom, Galea qal li bħala numri ma żdiedux pero fisser li minħabba l-miżuri preventivi fis-seħħ, iħossu li l-proċess biex persuna taċċessa u tagħmel użu mix-xelters ittawwal xi ftit. Galea qal li b’dan il-mod ġie nnutat li ċertu klijenti setgħu weħlu fis-sistema nnifisha jew għamlu arranġamenti oħra.

Tendenza nnutata anke qabel il-pandemija… inqas nisa qegħdin jaċċessaw is-servizz

Minkejja li f’idejhom m’għandhomx statistika li turi eżatt l-istampa attwali ta’ nies bla saqaf fuq rashom f’Malta, Galea kkonferma li min-naħa tagħhom ix-xelter ta’ emerġenza tal-irġiel, Dar Papa Franġisku, bħalissa qed iraqqad medja ta’ 11-il persuna filwaqt li Dar Maria Dolores, li huwa x-xelter ta’ emerġenza tan-nisa huma disponibbli.  Galea qal li raw tendenza li ilha tiġi nnutata anke qabel il-pandemija, dik ta’ inqas nisa li qegħdin jaċċessaw is-servizz.

“Hija problema li iva għadha magħna”

Mistoqsi dwar kif iħares lejn il-fatt li ninsabu fis-seklu 21 u għad hawn nies li jsibuha diffiċli biex jiksbu post fejn jgħixu, Galea qal li filwaqt li l-problema ta’ nies li jispiċċaw bla saqaf mhix problema tas-seklu 21, madankollu hija problema li għadha magħna u li t-tendenzi u l-evoluzzjoni tal-problema ivarjaw maż-żminijiet.

Huwa qal: “Aħna nemmnu li hemm ħafna fatturi esterni bħal pereżempju dak attwali tal-pandemija. Hemm ukoll fatturi interni li l-individwu ikun qed jesperjenza tul il-mixja ta’ ħajtu u li jkun qed jieħu deċiżjonijiet b’mod normali ta’ kuljum li jaf iħallu ċertu impatt f’ħajjet l-individwu.” 

Galea fisser li l-għajnuna li tingħata minn Fondazzjoni Dar il-Hena hija ta’ natura primarja jiġifieri li huma jiżguraw li l-bżonnijiet bażiċi tal-persuna huma milħuqa u mogħtija b’dinjità. 

Huwa kompla jispjega: “Wara li dak ikun fis-seħħ, flimkien ma’ ħaddiema soċjali kemm tagħna kif ukoll tal-FSWS u entitajiet ohra, jitfassal pjan maqbul mal-persuna, biex b’mod ħolisitiku jibda’ jindirizza l-problemi li jkun qiegħed iġorr.”

Minn Dar Papa Franġisku s-servizz tal-ikel għadu għaddej

Galea fakkar li minn Dar Papa Franġisku s-servizz tal-ikel għadu għaddej b’mod normali bħala servizz ta’ ‘take away’, servizz li qed jingħata lil madwar 60 persuna kuljum b’mod regolari.

Żied jgħid li bejn ix-xelters ta’ emerġenza u x-xelter fit-tul Reach Residential, bħalissa qed joffru l-għajnuna tagħhom lil 20 persuna. Spjega kif Reach Residential, il-programm residenzjali ta’ Fondazzjoni Dar il-Hena, jgħin biex persuna tieħu ż-żmien li għandha bżonn biex tqum fuq saqajha, titgħallem tieħu deċiżjonijiet iktar għaqlin, titgħallem tiprijoritizza, tattendi għall-taħrig biex itejjeb l-għarfien tagħha dwar xi suġġetti li jolqtu lilha u fuq kollox tkun preparata biex mix-xelter timxi għall-akkomodazzjoni indipendenti. 

Mistoqsi x’differenza hemm bejn ix-xelters tagħhom, huwa qal li d-differenza maġġuri hija li żewg xelters huma ta’ emergenza, jiġifieri l-persuni jqattgħu l-lejl fix-xelter imbagħad wara kolazzjon filgħodu joħorġu jeżegwu l-pjan tal-ġurnata u jerġgħu jirritornaw għall-irqad filgħaxija. Żied jgħid li minn naħa l-oħra, ix-xelter residenzjali huwa xelter fejn l-akkomodazjoni hija iktar fit-tul, fejn il-pjan ikun li persuna wara li toħroġ minn hemm tkun tista’ tmexxi ħajjitha b’mod individwali.

Fl-aħħar nett Galea għalaq l-intervista b’ringrazzjament fejn qal li Fondazzjoni Dar il-Hena tixtieq ukoll turi l-apprezzament kontinwu lit-tlett imsieħba fuq il-bord tal-amministrazzjoni, b’mod speċjali, lill-Ministeru tal-Ġustizzja Soċjali u Solidarjetà, tal-Familja u Drittijiet tat-Tfal, Caritas Malta u l-Fondazzjoni Alfred Mizzi.

Share With: