Żewġ edituri jeħlu €1,000 kull wieħed f’libelli

L-edituri tal-kumpanija Media Today weħlu €2,000 f’libelli li fetaħ kontrihom wieħed mill-esperti fl-inkjesta maġisterjali dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

John Muscat fetaħ libell kontra l-editur tal-Malta Today Saviour Balzan u dak tal-Illum Albert Gauci Cunningham.

Dak fil-konfront ta’ Balzan sar b’rabta mal-artiklu li kien deher fil-21 ta’ Ottubru 2018 fejn ingħad li għadda informazzjoni lill-mezzi tax-xandir internazzjonali u lil persuni fil-politika.

Huwa sostna li l-artiklu jagħti x’jifhem li kien suspettat mill-Pulizija li għadda tagħrif lil oħtu Caroline Muscat li taħdem bħala ġurnalista ma’ The Shift News u li fl-elezzjoni ġenerali tal-2017 mexxiet il-kampanja tal-PN.

Fir-rigward ta’ Gauci Cunningham qal li r-rapport li deher fuq il-portal fit-8 ta’ Novembru 2018 ukoll jagħti x’jifhem li għadda informazzjoni mill-inkjesta li fiha kien wieħed mill-esperti.

Wara li semgħet liż-żewġ naħat, il-Maġistrat Rachel Montebello irrimarkat li fix-xiehda tiegħu Balzan stqarr li l-informazzjoni pubblikata dwar il-ħlas li ħadu t-tliet esperti, inkluż Muscat, kienet ġejja minn informazzjoni żbaljata li huwa ngħata minn ministeru.

Hija sostniet li mill-provi rriżulta li Muscat ma rċieva ebda ħlas kwalsiasi għall-irwol tiegħu fl-inkjesta waqt li fix-xiehda tiegħu Balzan ċaħad li ried ifisser li Muscat ma kienx fdat mill-Pulizija u li kien hu li wassal l-informazzjoni lil oħtu.

Kien għalhekk li sabet liż-żewġ edituri ħatja ta’ malafama fil-konfront tiegħu u ikkundannathom iħallsuh €1,000 kull wieħed.

Share With: