X’qed tagħmel il-GWU favur in-nisa fid-dinja tax-xogħol?

Illum hija ġurnata ddedikata lin-nisa kollha, ġurnata fejn mhux biss infakkru kemm hija importanti l-mara fis-socjetà tagħna imma niċċelebraw il-kisbiet li saru. F’din il-ġurnata nfakkru kemm inbidel l-irwol tal-mara matul iż-żminijiet u l-importanza tagħha kemm fil-postijiet tax-xogħol, fil-komunità tagħna u l-familji tagħna.

Il-GWU dejjem emmnet fil-parteċipazzjoni sħiħa tal-mara u qiegħda taħdem biex kull abbuż jew ostaklu jitneħħa. Fil-fatt bħala GWU ħadna sehem b’mod attiv fuq level Ewropew ġewwa l-ETUC fil-djalogu dwar id-direttiva tal-Pay Transparency. Mhux accettabbli li għad hawn min iħallas lin-nisa inqas mill-irġiel minħabba l-ġeneru. Din hija diskriminazzjoni li għandha bżonn tieqaf kemm jista’ jkun malajr għaliex kulħadd għandu jiġi trattat indaqs irrelevanti l-ġeneru tiegħek.  Għalhekk aħna kburin li fejn aħna rappreżentati, dan l-abbuż ġie indirizzat billi l-pagi huma parti mill-ftehim kollettiv. Kull membru jkollu kopja tal-ftehim biex ikun jaf il-ħlas tiegħu skont ix-xogħol tiegħu.

Matul iż-żmien sar ħafna biex tispiċċa d-diskriminazzjoni kontra n-nisa u għad fadal ħafna xi jsir anke fuq il-Gender Pay Gap u l-GWU ser tibqa’ sħab soċjali li ħa timbotta biex dawn il-bidliet isiru mingħajr telf ta’ aktar żmien. Waħda mill-valuri tal-GWU hija l-ugwaljanza u huwa għalhekk li qegħdin naħdmu biex kulħadd jiġi ttrattat indaqs.

Fl-aħħar nett il-GWU tixtieq tawgura Jum il-Mara mill-isbaħ lin-nisa kollha.

Share With: