Wieħed jintbagħat il-ħabs, u l-ieħor jinżamm arrestat b’rabta ma’ numru ta’ serqiet

Raġel ta’ nazzjonalità Maċedona ntbagħat 18-il xahar ħabs, filwaqt li ieħor ta’ nazzjonalità Serba baqa’ jinżamm taħt arrest wara li aktar kmieni llum tressqu taħt arrest il-Qorti fejn ġew mixlijin b’diversi serqiet, fosthom serqa armata fil-Mosta.

L-irġiel ġew arrestati wara diversi ġimgħat ta’ investigazzjonijiet u osservazzjoni. Nhar it-Tlieta li għadda, ftit wara l-10.00 p.m., il-Pulizija tad-Dipartiment tar-Reati Maġġuri assistiti mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit, iċċirkondaw appartament f’San Pawl il-Baħar u arrestaw lil Boban Smiljkovic ta’ 45 sena mis-Serbja. L-operazzjoni ssoktat ilbieraħ, l-Erbgħa, fejn għal l-ħabta ta’ nofsinhar il-Pulizija arrestat lil Metodija Popov ta’ 40 sena mill-Maċedonja minn appartament fil-Gżira.

Minbarra li ż-żewġt irġiel wettqu flimkien serqa armata fil-Mosta, waqt l-invetsigazzjonijiet tal-Pulizija rriżulta wkoll li r-raġel mis-Serbja, allegatament waħdu kien involut f’erba’ serqiet oħra li seħħew fl-aħħar xhur fin-Naxxar, San Pawl il-Baħar u Ħal Qormi. 

Popov wieġeb ħati għall-akkużi miġjubin fil-konfront tiegħu, bil-Qorti tikkundannah 18-il xahar priġunerija.

Boban wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjubin kontrih, bid-Difiża ma tagħmilx talba għal ħelsien mill-arrest, u għaldaqstant baqa’ jinżamm taħt il-kustodja tal-Pulizija.

Share With: