“Wasalna fejn suppost kellna nkunu mill-bidu nett”

Avukati jsostnu li d-deċiżjoni li wieħed jieħu d-divorzju hija personali u t-tnaqqis huwa pass fid-direzzjoni t-tajba

Miktub minn Carmen Cachia

Id-divorzju f’Malta daħal fl-2011 fejn wara snin ta’ diskussjonijiet, nuqqas ta’ qbil u kontroversji, sar referendum nazzjonali biex ikun il-poplu stess li jiddeċiedi jekk jidħolx jew le. Bl-introduzzjoni ta’ din il-liġi, koppji separati għal mill-inqas erba’ snin setgħu jieħdu d-divorzju u jerġgħu jiżżewġu. L-emendi f’din il-liġi ppreżentati quddiem il-Parlament issa qegħdin jipproponu li dan il-perjodu ta’ stennija jinżel għal massimu ta’ sena. Dan is-sit ħa l-kummenti fir-rigward ta’ żewġ avukati – Deborah Schembri u Rachel Tua – fejn it-tnejn qablu li dan it-tnaqqis huwa pass fid-direzzjoni t-tajba għax m’għandux ikun hemm terminu ta’ żmien biex persuna tkun tista’ tkompli b’ħajjitha.

Dr Deborah Schembri qalet li, “illum il-ġurnata wasal iż-żmien li din ir-restrizzjoni titneħħa kważi għal kollox jew tiġi drastikament limitata skont iċ-ċirkostanzi. Id-deċiżjoni għal ksib ta’ divorzju biex wieħed ikollu l-opportunità li jerġa’ jiżżewweġ, għandha tkun tal-individwu u għaldaqstant dan huwa pass ċertament fid-direzzjoni t-tajba. Issa wasalna fejn suppost kellna nkunu mill-bidunett”.

Kien sar kompromess biex tal-inqas tkun varata l-liġi…

L-avukata Schembri spjegat kif meta kienu għaddejjin bl-introduzzjoni tal-liġi dwar id-divorzju, dk iż-żmien kellhom jagħmlu kompromess mal-gvern konservattiv tal-ġurnata biex il-liġi tal-inqas tkun tista’ tiġi varata. “Kien sar ftehim li għandu jkun hemm erba’ snin stennija minn mindu jkun hemm firda biex wieħed japplika għad-divorzju. Din l-istennija, fil-fehma tiegħi, kienet dejjem żejda u taffettwa l-libertà tal-persuna ladarba bħala prinċipju d-divorzju kien qiegħed jiġi aċċettat,” sostniet l-istess avukata.

Il-liġi, li kienet ħarġet kważi 10 snin ilu, kienet timponi l-bżonn ta’ separazzjoni effettiva ta’ mill-inqas erba’ snin qabel ma jibdew il-proċeduri tad-divorzju. Dan il-perjodu, meqjus minn ħafna bħala wieħed twil u bla bżonn, kellu ħafna kritika u permezz tal-emendi proposti issa, dan se jitnaqqas drastikament. 

B’dawn l-emendi, koppji sseparati legalment ma jkollhomx għalfejn jistennew biex jieħdu d-divorzju, mentri dawk mhux separati li jkunu jridu jieħdu d-divorzju, ikunu eliġibbli jekk ma jkunux għexu flimkien għal perjodu ta’ mill-inqas sitt xhur mis-sena preċedenti. 

F’każ li t-talba għad-divorzju ssir minn parti waħda biss, il-proċeduri jistgħu jinbdew ladabra l-konjugi ma għexux flimkien għal sena sħiħa matul l-aħħar sentejn mit-talba.

“Dritt għad-divorzju mingħajr terminu ta’ żmien”

Dr Rachel Tua min-naħa tagħha qaltilna li hija temmen li l-perjodu ta’ erba’ snin biex wieħed jieħu d-divorzju kien wieħed surreali u dan speċjalment tenut kont iċ-ċirkostanzi tad-dewmien u xi kultant, ta’ snin twal, biex wieħed jieħu s-separazzjoni personali.

“Huwa minnu li separazzjoni de facto tista’ tingħad bħala trapass ta’ żmien biex wieħed jottjeni d-divorzju, però skond il-proċeduri, hemm meħtieġ li persuna jkollha separazzjoni personali dokumenata,” spjegat Dr Tua. Hija saħqet li persuna għandha d-dritt li tkompli b’ħajjitha mingħajr ebda dewmien u tfixkil proċedurali. 

“Nemmen li l-perjodu ta’ sena mhux talli huwa ġustifikat, iżda nemmen ukoll li wieħed għandu jkollu d-dritt jieħu d-divorzju mingħajr terminu ta’ żmien. Id-divorzju jifforma parti integrali tal-ħajja privata taċ-ċittadini li hija dritt fundamentali. Għaldaqstant m’għandux ikun hemm terminu biex persuna tkompli b’ħajjitha, speċjalment meta jkollha ċans ieħor li tibda ħajjitha mill-bidu u jkollha ħajja aħjar,” sostniet din l-avukata. 

Hija qalet li d-dewmien ta’ żmien saħansitra jfixkel il-fatt li wieħed jista’ jkollha dritt għall-familja fil-każijiet fejn wieħed jixtieq ikollu familja wara ż-żwieġ. 

Dr Rachel Tua temmet tgħid li l-unika impatt li kien hemm u jista’ jkun li għadu hemm, huwa l-fatt li wieħed m’huwiex liberu jieħu d-divorzju immedjatament u li dan għandu jkun dritt u mhux imfixxkel jew impedit minn perjodu ta’ żmien.

L-għanijiet u r-raġunijiet ta’ dan l-abbozz, imressaq mill-Gvern għall-ewwel darba f’Diċembru tal-2020, huma biex jiġi emendat il-Kodiċi Ċivili fil-parti li tittratta l-proċeduri relatati mad-divorzju u dan biex jitħaffu tali proċeduri u jkun aktar ġust fl-aħjar interessi tal-partijiet kollha involuti fix-xoljiment taż-żwieġ, billi tiġi rispettata l-intenzjoni tal-konjugi kemm fir-rigward tat-talbiet tad-divorzju konġunti, kif ukoll f’dawk unilaterali.

Minn mindu daħal id-divorzju f’Malta fl-2011 sa Settembru tal-2019, il-Qrati ta’ Malta taw total ta’ 2,859 divorzju – 2,758 f’Malta u 101 f’Għawdex. Minn statistika maħruġa mill-Eurostat ir-rata tad-divorzju lokali kienet ta’ 0.8% fl-2015 u l-2016, mentri fis-sentejn ta’ wara, jiġifieri fl-2017 u l-2018, din niżlet għal 0.7% għal kull 1,000 persuna tal-popolazzjoni. 

Din ir-rata kienet ikklassifikat lil pajjiżna bl-inqas rata ta’ divorzju fost il-pajjiż Ewropej, flimkien mal-Irlanda. 

Id-divorzju f’Malta…

* Fl-1975 il-Gvern Laburista ta’ Dom Mintoff kien daħħal iż-żwieġ u l-annullament ċivili fejn il-qrati Maltin setgħu jirrikonoxxu d-divorzji barranin;

* Fl-1998 l-Prim Ministru Alfred Sant waqqaf il-Kummissjoni għall-Futur tal-Familja li rrakkomandat li jidħol id-divorzju permezz ta’ vot ħieles fil-Parlament;

* Qabel l-1996 id-Deputat Laburista Joe Brincat ippreżenta mozzjoni privata biex ikun introdott id-divorzju iżda din qatt ma telgħet fuq l-aġenda tal-Parlament;

* Sadanittant, kien hemm diversi Membri Parlamentari li b’mod individwali esprimew pożizzjoni favur id-divorzju imma l-isforzi sfumaw fix-xejn;

* Fis-sebgħinijiet l-Għaqda Zgħażagħ Laburisti għamlet tentattiv biex fil-Partit Laburista ssir diskussjoni dwar id-divorzju imma dawn ukoll sfumaw fix-xejn;

* F’kull manifest elettorali sa mill-1992 l-Alternattiva Demokratika pproponiet l-introduzzjoni tad-divorzju;

* Sa minn qabel inħatar Prim Ministru fl-2008, Joseph Muscat kien wiegħed li permezz ta’ private member’s bill, iressaq liġi tad-divorzju għall-approvazzjoni fil-Parlament;

* Fl-2008 John Dalli, li kien Ministru tal-Politika, qal li beħsiebu jibda dibattitu fil-Kabinett dwar il-ħtieġ li jidħol id-divorzju, kliem li kellu l-appoġġ tal-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, Lawrence Gonzi;

* Fl-2011 id-Deputat Nazzjonalista, Jeffrey Pullicino Orlando ressaq private member bill fil-Parlament biex jiġi introdott id-divorzju; hawnhekk kien hemm oppożizzjoni kbira mill-Knisja;

* F’Novembru 2010 twaqqaf il-Moviment “Iva għad-Divorzju”, b’Deborah Schembri bħala chairperson;

* F’Jannar 2011 twaqqaf il-Moviment “Żwieġ bla Divorzju” b’esponenti bħal Dr Andrè Camilleri u Dr Anna Vella;

* Frar, 2011, il-Partit Nazzjonalista ħa pożizzjoni kontra d-dħul tad-divorzju;

* Marzu 2011 tressqet mozzjoni tal-Oppożizzjoni quddiem il-Parlament dwar il-mistoqsija tar-Referendum għat-28 ta’ Mejju 2011. Din kienet – “Taqbel mal-introduzzjoni tal-għażla tad-divorzju f’każ ta’ koppja miżżewġa li tkun ilha sseparata jew tkun ilha ma tgħix flimkien għal mill-inqas erba’ snin u meta ma jkun hemm l-ebda tama raġjonevoli ta’ rikonċiljazzjoni bejn il-miżżewġin, filwaqt li jkun grantit manteniment adegwat u jkun mħarsa t-tfal?” Din għaddiet għax ivvotaw għaliha l-Oppożizzjoni kollha u żewġ Membri Parlamentari Nazzjonalisti – Jeffrey Pullicino Orlando u Jesmond Mugliett;

* Mejju 2011 – fil-jum tar-referendum ħarġu jivvutaw 73% ta’ dawk li kellhom id-dritt li jivvutaw. Total ta’ 232,691 persuna;

* L-għada tħabbar li r-referendum għadda b’maġġoranza ta’ 53.2% b’distakk ta’ aktar minn 14,500 vot;

* Fit-13 ta’ Lulju, 2011 għadda t-tieni qari tal-abbozz ta’ liġi dwar id-dħul tad-divorzju fil-Parlament (44-il vot favur; 13-il vot kontra u 12-il astensjoni). Il-Prim Ministru Gonzi u l-Ministri kollha, barra Joseph Cassar, ivvotaw kontra jew astjenew, il-Membri tal-Oppożizzjoni kollha vvotaw favur ħlief għal Adrian Vassallo li vvota kontra u Marie-Louise Coleiro Preca li astjeniet u 12-il Membru Parlamentari Nazzjonalisti vvutaw favur;

* Fil-25 ta’ Lulju, 2011 il-Parlament approva mill-istadju finali tat-Tielet Qari l-abbozz ta’ liġi dwar id-divorzju b’maġġoranza ta’ 52 vot favur, 11 kontra u ħames astensjonijiet;

* Fl-1 ta’ Ottubru 2011 daħlet fis-seħħ il-liġi tad-divorzju f’Malta.

Share With: