Triq Santa Marija f’Marsalforn tingħata wiċċ ġdid

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri żar Triq Santa Marija fiż-żona viċin il-Qbajjar f’Marsalforn li ngħatat wiċċ ġdid b’valur ta’ madwar €150,000 bħala parti minn għadd ta’ xogħlijiet infrastrutturali li qed isiru madwar din il-lokalità b’investiment globali li jlaħħaq il-€15-il miljun.

Huwa qal li: “Triq Santa Marija ilha minsija u għatxana għal intervent infrastrutturali għal snin sħaħ bil-konsegwenza li tħalliet tiddeterjora u spiċċat fi stat tal-biki. Għalhekk, din it-triq qed tingħata wiċċ ġdid biex ir-residenti u dawk kollha li jżuru lil Marsalforn u l-inħawi tal-madwar ikollhom triq aħjar kif jixraqilhom”.

Il-Ministru Camilleri spjega kif dan il-Gvern impenjat li jkompli jagħti ħajja liż-żona turistika ta’ Marsalforn. Huwa qal li l-masterplan tax-xatt ta’ Marsalforn, b’investiment ta’ €3 miljun, jinkludi pavimentar bil-lava/porfido ta’ Triq il-Port, Triq il-Forn, Triq San Ġużepp, Triq ir-Rabat u Misraħ Sir Michelangelo Refalo, kif ukoll installazzjoni ta’ dwal ġodda u street furniture biex iż-żona tingħata dehra kontemporanja. Hu fakkar li kif tlestiet il-Menqa ta’ Marsalforn, ix-xogħol beda għaddej ġmielu fuq il-waterfront u fakkar li dan se jkun lest qabel is-sajf li ġej.

Il-Ministru Camilleri temm jgħid li qegħdin jiġu rranġati t-toroq li jagħtu għal din iż-żona, żewġ toroq li jgħaqqdu lill-bajja ta’ Marsalforn mal-bqija ta’ Għawdex, u fil-fatt daqt se tibda r-rikostruzzjoni tat-triq li twassal mill-Belt Victoria għal Marsalforn kif ukoll it-triq li twassal mix-Xagħra lejn Marsalforn b’investiment globali ieħor ta’ madwar €10 miljun.

Share With: