Tnejn mixlija b’serq minn siti ta’ kostruzzjoni

Żewġt irġiel baqgħu jinżammu taħt arrest preventiv b’rabta ma’ diversi serqiet minn siti ta’ kostruzzjoni.

Joseph Galea ta’ 30 sena u Emanuel Degabriele ta’ 31 sena, it-tnejn mis-Siġġiewi, tressqu quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech mixlija li wetqu sitt serqiet.

L-irġiel, li qed jiċħdu l-akkużi miġjuba kontriehom, allegatament serqu għodod, fittings, jigger hammer u batteriji minn siti ta’ kostruzzjoni fil-Qrendi, Ħ’Attard, in-Naxxar, Ħal Kirkop u Ħad-Dingli f’Jannar li għadda. Huma kienu akkużati wkoll li kienu reċedivi.

It-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Degabriele ġiet miċħuda mill-Qorti. Min-naħa l-oħra ma saret l-ebda talba għal Galea. Kien għalhekk li l-Qorti ordnat li ż-żewġt irġiel jibqgħu jinżammu taħt arrest preventiv.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Joseph Mercieca u Andy Rotin. L-Avukati Mario Mifsud u Christian Camilleri dehru għal Galea filwaqt li l-Avukat Charles Mercieca deher għal Degabriele.

Share With: