Tkompli l-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra l-aħwa Agius

Dalgħodu se tkun qed tkompli l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront tal-aħwa Adrian u Robert Agius, Jamie Vella u George Debono.

Fis-seduta tal-bieraħ il-Qorti semgħet kif Robert Agius kien kiseb karozza simili għal dik użata minn Daphne Caruana Galizia biex dawk imqabbdin biex joqtluha jkunu jistgħu jitħarrġu dwar kif jiftħuha.

L-aħwa Agius, magħrufin bħala “Tal-Maksar”, qed jiffaċċjaw akkużi dwar l-involviment tagħhom f’żewġ omiċidji, inkluż dak ta’ Caruana Galizia.

Robert Agius u Jamie Vella huma mixlijin li pprovdew il-bomba li qatlet lil Caruana Galizia f’Ottubru tal-2017.

Adrian Agius huwa mixli li kkummissjona l-qtil tal-avukat Carmel Chircop fl-2015. Vella u Degiorgio min-naħa l-oħra huma mixlijin li wettqu l-qtil f’kumpless ta’ garaxxijiet f’Birkirkara.

Degiorgio jinsab għaddej proċeduri legali separati b’rabta mal-involviment tiegħu fil-qtil ta’ Caruana Galizia.

Il-familja tal-“Koħħu” offruta flus biex ma jikxifx

Qarib ta’ Vince Muscat il-Koħħu xehed kif f’Ottubru li għadda huwa kien f’bar fil-Marsa meta raġel li introduċa lilu nnifsu bħala “Jamie” qallu li hu u raġel ieħor jismu “Robert” kienu lesti jħallsu €1,500 fix-xahar lill-mara ta’ Muscat bil-kundizzjoni li l-Koħħu ma jsemmihomx mal-Pulizija. Din l-offerta però ġiet irrifjutata mill-familja ta’ Muscat.

Isem dan il-qarib ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo. Huwa kien qed jixhed hekk kif ilbieraħ kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni kontra l-aħwa Robert u Adrian Agius magħrufa bħala “Tal-Maksar”, Jamie Vella u George Degiorgio magħruf bħala “ċ-Ċiniż” li jinsabu mixlijin b’akkużi varji relatati mad-delitt tal-Avukat Chircop kif ukoll dak ta’ Daphne Caruana Galizia.

Ir-raġel stqarr li l-Pulizija kienu bagħtu għalih biex jistaqsuh fuq wieħed mill-akkużati, Jamie Vella. Huwa qal lill-Pulizija li f’xi żmien bejn Settembru u Ottubru 2020 kien qed jieħu kafè fir-Rocks Bar, il-Marsa, meta poġġa ħdejh raġel, li għalih kien wiċċ ġdid, u talbu biex ikellmu fuq Vince Muscat il-Koħħu, li jiġi qarib tiegħu. 

Dan il-persuna introduċa ruħu miegħu u qallu: “Jiena Jamie u dak Robert, biex ma jsemminiex u lesti lill-mara tiegħu (ta’ Vince) ntuha €1,500 fix-xahar.” Ix-xhud qal li din l-offerta ma ġietx aċċettata u meta xi ġimgħat wara “Jamie” reġa’ mar ikellmu, l-istess xhud qallu: “milli għedna m’hemm xejn.”

Huwa żied jispjega li kien ilu jiffrekwenta dan il-bar għal dawn l-aħħar 50 sena iżda qatt qabel ma ġratlu xi ħaġa bħal din. Huwa qal ukoll li fl-ID Parade li kienet saret fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija ma kienx identifika lil Jamie.  

Warajh xehed John Bugeja li qal li għandu proprjetà mikrija mingħand l-imputat Robert Agius il-Maksar. Bugeja spjega li kien iġib id-detergents minn Sqallija u kien iżommhom f’garaxx f’Ħal Qormi.

Huwa qal li kien jikri tliet garaxxijiet fil-Magħtab mingħand Robert Agius biex jagħmel id-detergents fihom. Qal li ilu jaf lil Robert xi għaxar snin wara li kien iltaqa’ miegħu fuq il-katamaran. 

Qal li l-garaxxijiet tal-Magħtab dam madwar sena u nofs jikrihom iżda mbagħad falla wara li kienu serquh u ħadulu kollox. Spjega li huwa kien innegozja wkoll ma’ Robert Agius dwar żewġ trailers li jiswew €96,000.

Mistoqsi dwar garaxx fil-Mosta huwa qal li dan kien krieh għal Robert Agius. Dan l-istess garaxx kien jappartjeni lil “Giovann tas-Soap and Sponge”. Giovann kien inqatel b’karozza bomba f’Ottubru tal-2016. Ix-xhud qal li Giovann kien inqatel meta kera l-garaxx. 

Huwa qal li kien kien tkellem mar-raġel tat-tifla ta’ Giovann biex jikri l-garaxx għal €700 fis-sena. Tenna li Robert Agius kien ħallsu darbtejn.

Fis-seduta tal-bieraħ xehdu wkoll numru ta’ uffiċjali tal-Pulizija li kienu involuti fl-arrest tal-akkużati u fit-tfittxijiet li saru fir-residenzi u l-karozzi tagħhom.

Il-każ ikompli fit-22 ta’ Marzu. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukat George Camilleri mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali megħjun mis-Supretendent Keith Arnaud u l-Ispetturi Shawn Pawney u Wayne Camilleri.

L-aħwa Agius u Vella għandhom jiddefenduhom lill-Avukati Alfred Abela u Rene’ Darmanin mentri George Degiorgio qed ikun assistit mill-Avukat William Cuschieri.

L-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cacha qed jidhru għall-familja Caruana Galizia mentri l-Avukat Vincent Galea qed jidher għall-familja Chircop.

Share With: