Tiżvolġi l-protesta quddiem il-parlament … jikkonfermaw li għada se jirritornaw

Ritratti: Roger Azzopardi

Waqt protesta li żvolġiet aktar kmieni quddiem il-parlament, seħħew żewġ interventi minn Occupy Justice u minn Repubblika. Waqt din il-protesta spikkat l-osservazzjoni tal-miżuri għall-prevenzjoni kontra t-tixrid tal-pandemija fosthom biż-żamma tad-distanza soċjali u l-ilbies tal-maskri.

Il-President tal-għaqda Repubblika Robert Aquilina ġġustifika l-protesta li għamlu t-Tnejn waranofsinhar fil-Belt bħala waħda ntiża biex “lill-qarnita li telgħet fuq l-art u ħakmitha naqtgħulha subgħajha kollha”.

Huwa ddeskriva l-qarnita bħala annimal li diffiċli tarah għax jibdel kulurha biex ma tindunax bih u jekk jinduna li rajtu jitfa’ l-linka biex jinħeba kif ukoll annimal li għandu ħafna swaba li permezz tagħhom jaħtaf ħafna.

Waqt li kkritika lill-Gvern u lill-Prim Ministru għax mhux jitressqu fil-Qorti ċertu nies insista li se jibqgħu jipprotestaw sakemm il-qarnita mafjuża tinqered għal kollox.

Kelliema oħra kienet Louiselle Vassallo, li għamlet żmien tmexxi l-media tal-PN u tgħallem l-Università ta’ Malta, fejn bdiet biex semmiet kif wara li fl-ewwel referendum fil-Kristjaniżmu n-nies għażlu lil Barabba fuq Kristu llum ma nbidel xejn ħlief li l-Barabbijiet jilsbu ‘suit’ u jdellku l-‘gel’ ma’ xagħarhom.

Hija sostniet li l-maġġornanza ta’ 40,000 “kif iħobbu jirrepetu l-armata organizzat ta’ ‘trolls’ fuq il-mezzi soċjali” dejjem tinħeba wara s-saħħa tan-numri biex toħnoq il-minoranza.

Vassallo qalet li xebgħet sal-ponta ta’ mneħirha tisma’ li l-istituzzjonijiet qed jaħdmu għax qed jiġri l-oppost u sostniet li jekk naraw dawk li fetħu l-bibien għall-qarnita ta’ kriminalità jieħdu li ħaqqhom li nistgħu nibdew nitkellmu dwar l-għaqda.

Share With: