Titnieda l-iskema għall-għaqdiet volontarji f’Għawdex b’investiment ta’ €120,000 – żieda ta’ 20% fuq is-sena li għaddiet

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri nieda l-iskema għall-għaqdiet volontarji (NGOs) li jaħdmu u jwettqu inizjattivi b’risq il-komunità Għawdxija. Dan b’investiment ta’ €120,000, li jfisser żieda ta’ 20% fuq is-sena li għaddiet.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Camilleri qal, “F’pandemija l-gvern mhux talli ma naqqasx l-allokazzjoni finanzjarja lil dawn l-għaqdiet li jwettqu ġid kbir fil-komunità, iżda żiedha”. Huwa spjega li din l-għajnuna hija turija ċara oħra ta’ kemm il-Ministeru għal Għawdex immexxi minnu għandu fiduċja assoluta fl-għexieren ta’ voluntiera Għawdxin li jaħdmu bla qies u joffru ħinhom għall-komunità.

Il-Ministru għal Għawdex spjega li l-għan aħħari ta’ din l-iskema huwa li ssaħħaħ fost l-oħrajn l-oqsma soċjali, kulturali u ekoloġiċi f’Għawdex. Tenna li permezz ta’ dan, “Se nkomplu nippromwovu u ninkoraġġixxu kultura ta’ volontarjat u l-parteċipazzjoni f’attivitajiet ta’ volontarjat fost is-soċjetà Għawdxija”.

Fl-istess attività l-Ministru Camilleri ppreżenta l-allokazzjoni finanzjarja lill-10 għaqdiet volontarji li applikaw u ntgħażlu biex jibbenefikaw mill-iskema s-sena l-oħra, iżda li se jwettqu l-inizjattiva tagħhom din is-sena. Dawn l-għaqdiet huma, Gozo SPCA, Ta’ Ċangura Folk Group San Lawrenz, L-Oratorju Don Bosco, Malta Cadets Corps, The Eden and Razzett – Inspire, Għaqda Ħbieb tal-Presepju Għawdex Malta – Sezzjoni Għajnsielem, The Gozo Business Chamber, Soċjetà Mużikali Santa Margerita, Happy Parenting – Malta u l-Għaqda Mużikali San Girgor – Ta’ Kerċem.

Il-Ministru Clint Camilleri rringrazzja lill-għaqdiet kollha li applikaw għal din l-iskema u qal li jħares ’il quddiem għal aktar ħidma u kollaborazzjoni bejn dawn l-għaqdiet volontarji u l-Ministeru għal Għawdex.

Share With: