Thriller li beda jagħti nifs lis-swali Amerikani

Nobody

Hekk kif aktar swali taċ-ċinema bdew jiftħu fl-Istati Uniti, fi tmiem il-ġimgħa li għadda kien it-thriller “Nobody” li kellu l-akbar dħul.  Minn 2,460 teatru, kellu dħul ta’ $6.7 miljun.  Mhux xi dħul ta’ barra minn hawn imma almenu l-affarijiet bdew jiċċaqalqu.

Maħdum taħt id-direzzjoni tar-Russu Ilya Naishuller, l-idea għal dan l-iskript twieldet minn esperjenza personali li għadda minnha l-attur protagonist Bob Odenkirk, li jinterprita l-parti ta’ Hutch.  Huwa b’xi mod irnexxielu jaqfel il-ħallelin li daħlulu fil-basement tad-dar imma kien diżappuntat ħafna bil-mod kif il-pulizija ittrattaw il-każ.  Bob Odenkirk baqa’ dejjem jhewden kif seta’ jittratta mod ieħor din l-invażjoni.

Fil-film, meta żewġ ħallelin jidħlu fid-dar ta’ Hutch, hu ma jagħmel xejn biex jiddefendi lilu nnifsu u lil familtu, bit-tama li jevita li jkun hemm vjolenza li tista’ twassal biex huma jweġġgħu jew agħar.  Imma ibnu jeħodha bi kbira li missieru baqa’ ċass quddiemhom.  Martu Becca (Connie Nielsen) ukoll tkun diżappuntata

Dan l-inċident ikollu effett fuq Hitch u l-istint ta’ vendetta ma jibqax imrażżan ġo fih.  Hawn fejn Hutch jinbidel f’bniedem ieħor u ma jibqax wieħed ta’ stima baxxa kontra il-kriminali.

Hemm mumenti fejn “Nobody” (Universal Pictures: 15) qiesu xi film tal-loony-tunes.  

Bob Odenkirk stqarr li dam sentejn jipprepara għal din il-parti, b’mod partikolari il-korjografija ta kif għandu jiġġieled ma’ atturi oħra fuq is-sett.

Deadly Illusions

Dan hu thriller mimli trufijiet li jaljenaw, b’mumenti tajba u oħrajn li setgħu jkunu aħjar.  Probabbli id-direttur Anna Elizabeth James (li ħolqot ukoll l-iscreenplay), hi nfluwenzata mit-thrillers ta’ Alfred Hitchcock.

Mary (Kristin Davis) hi kittieba li għandha diversi suċċessi bis-sensiela ta’ thrillers li tikteb.  Hi miżżewġa lil Tom (Dermot Mulroney) u għandhom żewġt it-tfal.  Id-dar tal-pubblikazzjonijiet li taħdem magħha jinsistu li tikteb rumanz ieħor u joffrulha żewġ miljun dollaru bil-quddiem.  Għall-ewwel, Mary tirrifjuta l-offerta imma imbagħad tibdel fehmitha meta tintebaħ li żewġha kien tilef ħafna flus fil-logħob.

Ħabibtha Elaine (Shanola Hampton) tissuġerixxi lil Mary biex tqabbad nanny ħalli tieħu ħsieb it-tfal.  Mary ma jibda jogħġobha ħadd u meta tidher li qatgħet qalbha, titfaċċa Grace (Greer Grammer) riekba fuq rota.  Mary tibda tħossha ma tafx x’ser taqbad tikteb u tuża l-ħbiberija ma’ Grace biex tiftaħ qalbha.  Mary anke tibda jkollha fantasiji erotiċi ma’ Grace.  Fl-istess ħin, darba fuq il-mejda tal-ikel, Mary teħodha kontra żewġha u Grace, wara li Elaine iddaħħalha dubju dwar żewġha u Grace.

Mary iċċempel l-aġenzija li permezz tagħha tkun ġiet impjegata Grace  ħalli tara għala ċekk li Mary bagħtet ma ġiex imsarraf.  L-aġenzija tgħarrafha li Mary għadha ma għażlitx nanny.  Mary tmur iżżur lil Elaine u issibha mejta.  Tagħmel rapport lill-pulizija u b’xokk għaliha, il-pulizija tippreżenta dik li tidher evidenza li Mary kienet daħlet fl-apparatment ta’ Elaine fil-lejl qabel Elaine inqatlet. 

Kif jindika l-isem “Deadly Illusions” (Netflix: 15), il-film iħallik bejn ħalltejn għal ħafna ħin bejn fatti u illużjonijiet.  It-tmiem ma jgħix u jħalli tieqa beraħ għal sequel.  

SON OF GOD

Bħal daż-żmien tas-sena, ħafna huma dawk li jfittxi xi film li jirrakkonta l-passjoni ta’ Sidna Ġesu` Kristu. Insibu “The Robe”, “King of Kings”, “Barabbas”, “The Greatest Story Ever Told”, “Jesus of Nazareth”, “Jesus Christ Superstar”, “The Passion of the Christ” u oħrajn.  Meta ħarġu għall-wiri f’Malta fit-teatri, kollha kellhom suċċess.  Hemm wieħed li għalkemm maħdum minn kumpanija ewlenija Amerikana, qatt ma ġie Malta għax din il-kumpanija ħadet deċiżjoni stramba li tillimita fejn għandu joħroġ fil-pajjiżi Ewropej minkejja s-suċċess li kellu fil-box office Amerikana.  

Il-film “Son Of God” hu verżjoni mqassra tas-sensiela “The Bible” li kienet intweriet fuq History Channel.  Meta ħareġ ġewwa l-Istati, “Son of God” kellu suċċess kbir fil-box office minħabba li kellu sapport mill-għaqdiet reliġjużi Amerikani.  B’kollox kellu dħul ta’ aktar minn $70 miljun.  Il-film sewa $22 miljun biex inħadem. 

Maħdum taħt id-direzzjoni ta’ Christopher Spencer, “Son of God” (20th Century Fox: U) isegwi bejn wieħed ieħor il-vanġelu ta’ San Ġwann.  Jibda mit-twelid ta’ Sidna Ġesu` Kristu f’Betlem.  Imbagħad ir-rakkont jaqbeż 30 sena għal meta Ġesu` (l-attur Portugiż Diogo Morgado) mar il-Galilija u jibda jagħżel id-dixxipli.  Permezz tat-tagħlim u l-mirakli, ħafna nies jibdew jiġru warajh, filwaqt li l-Fariżej, jieħduha kontrih meta jaħfer id-dnubiet.

L-akbar nuqqas li għandu l-film hu li nieqes minn stil u viżjoni artistika.

Share With: