“Tħallix ikel tajjeb jinħela”

Jibda jinġabar ikel għall-Victory Kitchen li titma’ lil ftit inqas minn 2,000 ruħ kull ġimgħa

Mill-bieraħ beda jinġabar l-ikel bil-għan li dan jintuża fil-Victory Kitchen. Dan seħħ wara l-appell li huma stess għamlu lil sidien tar-ristoranti u chefs bil-għan li ma jintremix ikel li jkun għadu tajjeb. 

Ftit tal-jiem ilu Rafel Sammut, il-Fundatur tal-Victory Kitchen, appella biex min għandu xi ikel żejjed li għadu f’kundizzjoni tajba, ma jarmihx u min flok jagħtuh lilhom biex ikunu jistgħu jużawh għal Victory Kitchen biex b’hekk ikunu jistgħu jipprovdu ikliet lil bosta familji fil-bżonn.

Dan anke fl-isfond tal-miżuri mħabbra riċentament fejn ir-ristoranti se jkunu qed joperaw biss b’servizz ta’ take-away.

F’post li ttella’ fuq il-paġna tal-Victory Kitchen fl-ewwel ta’ Marzu, wera kif dik il-ġimgħa l-Victory Kitchen għal darb’oħra pprovdiet 1,692 ikla lil 196 familja fil-bżonn. 

Rafel kien qal li meta fetħu l-Victory Kitchen, fl-ewwel erbat’ijiem kienu provdew ikel lil 16-il familja u fit-tieni ġimgħa provdew ikel lil 54 familja. Dan in-numru baqa’ kulma jmur jiżdied tant li mill-bidu ta’ dan il-proġett sa issa b’kollox ipprovdiet total ta’ 38,268 ikla fejn ġew megħjuna 9,603 familja.

Share With: