Taljan arrestat permezz ta’ mandat ta’ arrest Ewropew b’rabta ma’ organizazzjoni kriminali ta’ traffikar ta’ droga

Taljan ta’ 39 sena ġie arrestat mill-Pulizija Maltija f’San Pawl il-Baħar permezz ta’ Mandat ta’ Arrest Ewropew, wara li kien imfittex mill-Awtoritajiet Taljani b’rabta ma’ organizazzjoni kriminali ta’ traffikar ta’ droga fl-Italja. 

Fl-aħħar jiem, il-Pulizija tas-Central Intelligence & Analysis kienet involuta f’operazzjoni ta’ sorveljanza fuq iċ-ċittadin Taljan, wara li l-investigazzjonijiet wasslu biex ikun identifikat li r-raġel qiegħed jgħix Malta. 

Illum, għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ filgħodu (0200hrs), il-Pulizija tat-Taqsima tar-Relazzjonijiet Internazzjonali ċċirkondat appartament f’San Pawl il-Baħar u arrestat lill-persuna mfittxija. 

Din l-operazzjoni saret bil-kollaborazzjoni mal-Pulizija Taljana, hekk kif l-arrest sar fl-istess waqt li f’Sirakuża kienet qiegħda ssir operazzjoni mill-Carabinieri fejn ġew arrestati 31 persuna b’rabta ma’ traffikar ta’ droga li allegatament kien qiegħed iħalli qligħ ta’ €25,000 kuljum lil din l-organizazzjoni kriminali. 

It-Taljan ittieħed il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija l-Floriana għall-aktar stħarriġ u mistenni jitressaq il-Qorti għada. 

Share With: