Tabib jiċħad li ħa oġġetti li mhumiex tiegħu

Ritratt: Facebook

It-Tabib Jan Chircop ċaħad l-allegazzjonijiet li saru fil-konfront tiegħu miż-żewġt aħwa ta’ raġel li miet bil-Covid19 u ħalla lill-imsemmi tabib bħala eredi tiegħu.

Alberta u Jana Mangion argumentaw li meta miet ħuhom Mario it-Tabib Chircop ħa oġġetti li ma kienux tiegħu u żammew responsabbli kemm lilu kif ukoll lin-Nutar Joe Cilia.

Madankollu iben l-eks-deputat parlamentari Karl Chircop ċaħad l-akkużi kontrih u waqt li sostna li Mangion kien it-tieni missier tiegħu akkuża lil ħutu b’nuqqas ta’ rispett lejn ix-xewqat ta’ ħuhom. 

Dr Chircop ċaħad li ħa oġġetti li ma kienx awtorizzat li jieħu u li ħa kopja tat-testment b’mod illegali fejn sostna li kien l-istess Mario Mangion li tah kopja tat-testment.

Huwa nsista li Mangion qassam il-proprjetà tiegħu kif ried u anke irrimarka li peress li miet bil-Covid il-qabar li fih indifen ma setax jinfetaħ qabel 10 snin  u kienu ħutu li iddeċidew li għandu jindifen f’qabar ieħor tal-familja.

Iċ-ċaħda tat-Tabib Chircop saret permezz ta’ kontro-protest ippreżentat fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili f’ismu u f’isem in-Nutar Cilia mill-Avukati Matthew Paris, Luke Dalli u Ann Marie Cutajar.

Share With: