Ta’ 29 sena b’infezzjoni fil-pulmun minħabba l-Covid-19

Mis-sodda tal-isptar tappella lin-nies biex ikunu responsabbli

Miktub minn Maria Azzopardi

Għandha 29 sena, bla ebda kundizzjonijiet iżda ftit tal-jiem ilu ddaħħlet l-isptar minħabba l-Covid-19. Kimberly Cauchi mhux biss hija pożittiva għall-virus iżda qalet lil dan is-sit li sfortunatament dan il-virus affetwala l-pulmun tant li spiċċa b’infezzjoni u tbati minn qtugħ ta’ nifs.

Hija rriżultat pożittiva proprju ftit tal-jiem ilu wara li qaltilna li għamlet żewġ testijiet li ġew negattivi. Minkejja li rriżultat pożittiva mat-tielet test li għamlet, kienet diġà bdiet tħossha ma tiflaħx minn madwar ġimgħa qabel.

Mis-sodda tal-isptar hija xtaqet tgħaddi appell lil żewġ tipi ta’ nies differenti. Qalet: “L-ewwel wieħed għal dawk li huma responsabbli biżżejjed u jibqgħu d-dar anke jekk ġew negattivi iżda ħassew is-sintomi. Ngħidilkom proset għax jaf toħorġu pożittivi wara.”

Żiedet tgħid li tixtieq ukoll tgħaddi messaġġ b’mod ġenerali. “Kunu responsabbli u taħsbux fuqkom biss. Jekk għandek l-iċken dubbju jew sintomu żgħir tgħidux ‘u ija’ jew ‘għax nibża’ mill-kwarantina’. Hekk tixtiequ lil familja tagħkom? Hekk tridu tarawhom? Ġewwa sptar ‘il bogħod minn kulħadd jiġġieldu għan-nifs? Mela dak li ma tridx għal familtek, ibda kun ta’ eżempju int ukoll għalih.”

Intant, fuq il-paġna tal-midja soċjali tagħha hija qalet: “Għal dawk minnkom li jafuni personalment, jafu li jien persuna li m’għandix il-paċenzja li noqgħod bilqiegħda biex niekol aħseb u ara li nibqa’ fis-sodda l-ġurnata kollha. Jien persuna li nħobb nitkellem ħafna, u nħobb inżomm ruħi okkupata. Kollox kien għaddej tajjeb sakemm bdejt insofri mis-sintomi tal-Covid-19. L-ewwel affettwa liċ-ċkejkna tiegħi, imbagħad lil raġel u mbagħad fl-aħħar iżda żgur mhux l-inqas kif jgħidu, lili.”

Kollox beda bi ftit imnieħer iqattar u ftit sogħla

Hija rrakkontat kif kollox beda bi ftit imnieħer iqattar u ftit sogħla. Bħal donnu jkun hemm min jibda jgħid li ma jimpurtax u li hija biss influwenza normali. Sakemm is-sogħla tagħha nbidlet f’waħda severa, li kkawżat infjammazzjoni fil-pulmun u qtugħ ta’ nifs. Dan kollu juri kemm huwa tassew importanti li wieħed jagħti każ xi jkun qed iħoss u jieħu l-prekawzjonijiet kollha possibli kontra dan il-virus li sfortunatament f’Malta, bħall-bqija tad-dinja, qed jaffetwa tant u tant nies.

Kimberly issa tinsab ‘il bogħod mid-dar, ‘il bogħod miċ-ċkejkna u mir-raġel tagħha. Weħidha mingħajr ma jista’ jkollha xi żjara mingħad xi familjari jew ħbieb.

“Kemm nixtieq li qiegħda d-dar … milli hawnhekk niġġieled biex nieħu nifs”

Temmet tgħid: “Waħdi nsofri lejl u nhar hekk kif in-nifs sar bħal donnu privileġġ li jkollok. Madanakollu, għad hawn xi wħud min-nies li għadhom jaħsbu li dan kollu huwa l-istess bħall-influwenza. Kemm nixtieq li qiegħda d-dar ma nagħmel xejn milli hawnhekk niġġieled biex nieħu nifs. Jekk jogħġobkom, kunu responsabbli.”

Fost is-sintomi komuni tal-Covid-19 huma deni, sogħla u qtugħ tan-nifs. Sintomi oħra jinkludu għeja, uġigħ fil-griżmejn, uġigħ ta’ ras, uġigħ fil-muskoli u telf tas-sens tax-xamm u t-togħma.

Intant, l-awtoritajiet tas-saħħa jkomplu jappellaw biex kull min iħoss xi tip ta’ sintomu għandu jibqa’ d-dar u jċempel fuq il-helpline 111. L-appell jibqa’ biex kemm jista’ jkun jiġi evitat il-kuntatt ma’ persuni oħra, li tinżamm id-distanza soċjali ta’ mill-inqas żewġ metri bejn persuna u oħra, li tintlibes il-maskra b’mod ġust li tgħatti kemm l-imnieħer, il-ħalq u l-geddum u li tiġi ppratikata iġjene tajba.

Share With: