Stħarriġ pubbliku dwar il-bżonnijiet fit-trasport

Bħala parti mill-impenn biex ittejjeb il-mobbilità f’Malta, Malta Public Transport varat stħarriġ biex janalizza il-vjaġġi li jsiru f’Malta sabiex ikunu jistgħu jiġu offruti soluzzjonijiet tanġibbli li jagħmlu t- trasport pubbliku aktar attraenti u jinkoraġġixxu aktar persuni li jużawh. Malta Public Transport qed tistieden lill-pubbliku ġeneral biex jieħu sehem f’dan l-istħarriġ permezz ta’ survey online li se jiġbor informazzjoni dwar il-vjaġġi f’Malta, flimkien ma’ metodi oħra ta’ analiżi bħall-eżaminazzjoni tal-volum tat-traffiku.

“Aħna kontinwament nipprovaw intejbu s-servizz li noffru biex naqdu aħjar il-bżonnijiet tal-klijenti tagħna, u dan l-istħarriġ jgħinna nifhmu il-ħtiġijiet ġodda tal-pubbliku,” spjegat Diane Oswald, Kap tal- Komunikazzjoni ta’ Malta Public Transport. “Dan l-eżerċizzju huwa parti minn studju aktar wiesa’ li se jwassalna għal fażi ġdida fit-trasformazzjoni tat-trasport urban f’Malta. Inħeġġu lil kulħadd biex jipparteċipa f’dan l-istħarriġ u jaqsmu mal-familja u l-ħbieb, għax kull risposta hija important sabiex nidentifikaw soluzzjonijiet ta’ mobbilità li huma kemm konvenjenti kif ukoll sostenibbli.”

Matul dawn l-aħħar sitt snin, il-kumpanija żviluppat waħda mill-aktar flotot ta’ trasport pubbliku moderni u b’magni effiċjenti fl-Ewropa, waqt li kompliet tinvesti fin-nies u fit-teknoloġija biex tara li t- trasport pubbliku jkompli jwettaq l-irwol tiegħu bħala l-aktar mezz ta’ trasport sostenibbli f’Malta. Matul dawn is-sitt snin, saru diversi bidliet fir-rotot ibbażati fuq informazzjoni mill-vjaġġi tal-passiġġieri stess. Permezz ta’ dan l-istħarriġ, Malta Public Transport issa se tkun tista’ tosserva wkoll il-vjaġġi ta’ dawk li ma jużawx il-karozza tal-linja biex jagħti stampa aktar sħiħa tal-mobbilità f’Malta u jippermetti li l-kumpanija tipproponi soluzzjonijiet ġodda li jindirizzaw il-bżonnijiet tat-trasport.

L-istħarriġ huwa faċli biex jimtela’ u jistieden lill-parteċipanti jimmarkaw il-vjaġġi li jagħmlu matul il- ġimgħa fuq mappa interattiva, biex b’hekk ikun magħruf liema huma l-aktar vjaġġi popolari fit-toroq Maltin. Il-parteċipanti se jkunu jistgħu jidentifikaw ukoll il-karatteristiċi li jfittxu f’sistema ta’ trasport tal-massa.

Il-ġbir tal-informazzjoni mill-istħarriġ qed isir b’konformità mal-liġi tal-Protezzjoni tad-Data u se jkun użat biss għall-iskopijiet ta’ din ir-riċerka. Ir-risposti kollha mill-pubbliku jidħlu b’mod anonimu u ma jiġux intraċċati lura lejn min ikun bagħthom.

L-istħarriġ jista’ jimtela min hawn: https://emapic.es/malta-mobility

Share With: