Splużjoni qrib ċentru tal-ittestjar għall-Covid-19 fl-Olanda

Splużjoni li seħħet ftit tas-sigħat ilu fir-raħal ta’ Bovenkarpsel fit-Tramuntana tal-Olanda kissret il-ħġieġ ta’ ċentru tal-ittestjar għall-Covid-19.

Skont l-ewwel indikazzjonijiet jidher li fortunatament ħadd ma ndarab f’din l-isplużjoni; li skont il-pulizija seħħet kmieni filgħodu. Il-Pulizija Olandiża ċċirkondat iż-żona u bdew minnufih bl-investigazzjoni dwar l-isplużjoni u l-oriġini tagħha.

Fil-post issejħu uffiċjali mill-iskwadra tal-isplussiv sabiex jiġi determinat jekk kienx għad hemm periklu ta’ materjal li jista’ jkun għadu ta’ periklu.

F’Jannar li għadda ċentru tal-ittestjar f’Urk ingħata n-nar waqt irvellijiet li saru minn dawk li opponew il-lockdown. Il-miżuri tal-lockdown qajmu furur fil-pajjiż u l-protesti ma naqsux.

Share With: