“Skola bla studenti hija skola bla ruħ”

Assenza fost l-istudenti twassal biex il-Kap tal-Iskola tal-Ħandaq jisħaq li l-iskola hija sigura u post l-istudenti huwa fl-iskola

Fuq il-paġna tal-iskola sekondarja tal-Ħandaq, il-Kap – Michael Bondin – ħabbar li jinsab imħasseb minħabba li n-numru tal-istudenti fil-ġimgħa li għaddiet naqas. “Skola bla studenti hija skola bla ruħ. L-iskola hija sigura u posthom huwa hawn,” beda dan is-surmast. 

Huwa attribwixxa din l-assenza minħabba s-sitwazzjoni tal-Covid-19 barra mill-iskola iżda kummenti minn ġenituri, li fil-maġġorparti tagħhom wrew apprezzament għall-ħidma tiegħu, qalu li hemm biżgħa ta’ infezzjonijiet minħabba li hemm studenti li ma jistennewx ir-riżultati tal-iswab tests u jattendu proprju fiż-żmien li ġejjin l-eżamijiet tal-aħħar tas-sena.

Ġenituri qalu għalkemm l-iskola hija post sigur ħafna, hemm studenti fl-iskola tal-Ħandaq li qegħdin kwarantina minħabba każijiet pożittivi fost it-tfal. Barra minnhekk, kien hemm kummenti fejn persuni qalu li hemm sitwazzjoni ta’ irresponsabbiltà minn xi ġenituri dwar attendenza qabel joħorġu r-riżultati tal-iswab test u dan b’detrimenti għall-istudenti issa li waslu l-eżamijiet, għax jekk jintbagħtu kwarantina, jitilfuhom.

Is-Sur Bondin min-naħa tiegħu saħaq li huma jieħdu ħafna ħsieb tas-saħħa u s-sigurtà tat-tfal, kif ukoll hemm attenzjoni kbira l-ħin kollu f’dan ir-rigward. Huwa assigura li bħala skola, qegħdin jimxu mal-protokolli kollha tal-awtoritajiet tas-saħħa. 

“Pjuttost imbeżża’ li l-istudenti huma inqas siguri hemm barra milli fl-iskola,” sostna dan il-Kap ta’ l-Iskola. Huwa qal li fil-ħin tal-iskola t-tfal jitħalltu mal-bubble tagħhom imma, barra jitħalltu ma’ xulxin. Minħabba li l-iskola m’għandhiex kontroll u għarfien ta’ x’jiġri hemm barra, is-surmast wissa li dan jista’ jwassal għal aktar tixrid tal-virus. 

Fil-messaġġ tiegħu Bondin appella biex il-ġenituri jibagħtu lit-tfal l-iskola u avża li dawk l-istudenti li fallew, iridu jipproduċu ċertifikat inkella ma jistax jaċċetta lil dawn l-istudenti fil-klassi. 

Arranġamenti fl-eżamijiet…

F’din il-ġimgħa fl-iskola ta’ San Injazju se jsiru l-eżamijiet tal-aħħar tas-sena għall-istudenti tal-Form 5. Huwa qal li dawk il-gruppi ta’ tfal f’din is-sena li huma fi kwarantina, l-iskola se tagħtihom iċ-ċans li jagħmlu l-eżamijiet aktar tard f’din is-sena. L-eżamijiet alternattivi se jingħataw fil-Malti, fil-Matematika, fl-Ingliż u fil-Fiżika.

Rigward il-kwistjoni tal-iswab tests, Michael Bondin appella biex il-ġenituri jkunu responsabbli u sakemm ma jirċievux ir-riżultat, ma jibagħtux lit-tfal tagħhom l-iskola u dan għas-saħħa u s-sigurtà ta’ kulħadd. Huwa spjega li huwa ma jistax imponi li ma jibagħtuhomx iżda jista’ jagħmel appell għal buon sens. 

Il-Kap tal-Iskola tal-Ħandaq temm jgħid li meta klassi sħiħa tkun fi kwarantina l-iskola tipprovdi t-tagħlim online u fakkar li hemm lezzjonijiet oħra pprovuditi mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni u jkun tajjeb li jsir aktar użu minnhom mill-istudenti li jinsabu fid-dar.

Share With: