San Ġorġ Preca u d-devozzjoni tiegħu lejn San Ġużepp

Il-qima ta’ San Ġorġ Preca lejn il-qaddisin tal-Knisja Kattolika kellha żewġ faċċati. Il-Fundatur tal-Museum kien jara fil-qaddisin għajnuna kbira għax kien ċert li huma jaqbżu għalina quddiem Alla. Imma fihom kien jara wkoll mudell għall-ħajja tan-Nisrani. Għalhekk, isem dan jew dak il-qaddis kien kontinwament fuq fommu u f’kitbietu.

Żewġ aspetti li joħorġu wkoll fl-Ittra ta’ Papa Franġisku dwar San Ġużepp, Patris Corde (2020): “L-għan ta’ din l-Ittra Appostolika hu dak li tkebbes iktar l-imħabba lejn dan il-Qaddis kbir, biex nitħeġġu ħa nsejħu l-interċessjoni tiegħu u nixbhu l-virtujiet tiegħu u l-ħeġġa tiegħu. Fil-fatt, il-missjoni speċifika tal-qaddisin mhijiex biss dik li jaqilgħu mirakli u grazzji, imma li jidħlu għalina quddiem Alla… Il-qaddisin jgħinu lill-fidili kollha ‘jfittxu l-qdusija u l-perfezzjoni tal-istat tagħhom’. Ħajjithom hija prova konkreta li hu possibbli ngħixu l-Evanġelju.”

Mhux biss fil-membri tal-Museum, imma wkoll f’dawk kollha li fittxewh, Preca kien iħobb inissel xi devozzjoni partikulari. Hu kien jemmen ħafna fid-devozzjonijiet tradizzjonali tal-Insara. Għalhekk, lill-qaddisin hu kien jorbothom ħafna ma’ dak li huma magħrufin għalihom.

Patri Alexander Bonnici fil-bijografija tiegħu ta’ Dun Ġorġ jikkwota lil Ġużeppi Tabone li jgħid: “Naf li Dun Ġorġ kellu fiduċja kbira fit-talb u devozzjoni lejn il-qaddisin, partikularment lejn il-Verġni Mbierka, San Ġużepp, San Gejtanu, San Vinċenz Ferrer, Santu Rokku, u Sant’Anna… Lil San Ġużepp kien jitolbu: ‘O San Ġużepp ta’ qalb l-aktar safja, ħu ħsiebi int, u ħu ħsieb tal-benefatturi tagħna, tul ħajjithom kollha, b’mod speċjali waqt il-ħin tal-mewt tagħhom’.”

Nistgħu ngħidu li Dun Ġorġ Preca kien devotissimu ta’ San Ġużepp, bħala r-raġel ta’ Marija u l-kap tal-Familja Mqaddsa, kif ukoll il-bniedem ġust u l-missier legali ta’ Ġesù. Din id-devozzjoni kienet tidher fil-prietki u l-laqgħat li Dun Ġorġ kien jagħmel lill-poplu u lill-membri tas-Soċjetà tiegħu tal-Museum. Huwa ma kienx jitlef okkażjoni waħda meta jiġi biex isemmi jew iqim lil San Ġużepp.

Il-Kap tal-Familja Mqaddsa

Fil-ktieb “San Ġużepp” li Preca ppubblika fl-1932, huwa jagħti r-raġunijiet għaliex wieħed għandu jkun devot ta’ dan il-Qaddis: “Id-devozzjoni lejn San Ġużepp hija siewja wisq għall-qawwa tiegħu, għall-imitazzjoni tiegħu, għall-benedizzjoni tiegħu, għall-glorja tiegħu u tas-Sagra Familja kollha. Min jagħti ġieħ lil San Ġużepp ikun jagħmel bħal Ġesù Kristu u bħal Marija Santissima li tant qimuh u beatu min jirrikorri lejh”. Dawn ir-raġunijiet imsemmija minn Dun Ġorġ nistgħu ngħidu kienu l-kawża li minħabba fihom hu kien tant devot ta’ dan il-Qaddis kbir. Kif jgħid Papa Franġisku, “il-kobor ta’ San Ġużepp qiegħed fil-fatt li hu kien ir-raġel ta’ Marija u l-missier ta’ Ġesù. Bħala tali, ‘ingħata għall-qadi tal-pjan kollu tas-salvazzjoni’.”

Dun Ġorġ kien iħobb jimmedita spiss fuq San Ġużepp, u speċjalment fuq ir-relazzjoni tiegħu ma’ Ġesù. Minn dawn il-meditazzjonijiet tiegħu Dun Ġorġ seta’ jagħraf il-missjoni kbira ta’ dan il-Qaddis minħabba s-sehem importanti tiegħu fil-misteru kbir tal-Inkarnazzjoni tal-Iben ta’ Alla. Dun Ġorġ wasal ukoll għall-konklużjoni li San Ġużepp bilfors li huwa qaddis kbir quddiem Alla ladarba Huwa għażlu biex ikun il-Kap tal-Familja Mqaddsa. Dan ifisser, jgħidilna Dun Ġorġ, li Alla fada lil San Ġużepp l-aktar żewġ persunaġġi li kienu għal qalbu: lil Ġesù u lil Ommu Marija.

Imfejjaq minn San Ġużepp

Dun Ġorġ ġarrab kemm tiswa d-devozzjoni lejn dan il-Qaddis meta hu, fl-aħjar ta’ żgħożitu, ġie mfejjaq minn marda gravi li kellha twasslu għall-mewt. Infatti kien jirrakkonta lis-soċji li, ftit xhur qabel ma kellu jieħu l-quddiesa, hu waqa’ marid serjament, u skont wieħed mill-aħjar tobba li kellna Malta f’dak iż-żmien, it-tabib Enrico Meli, (li s-Sur Vinċenz Preca kien ġab biex jeżaminalu ’l ibnu), ftit li xejn kien baqagħlu ħajja, għax wieħed mill-pulmuni tiegħu kien diġà spiċċa.

It-tabib kien kemmex xufftejh, u qal lil missieru: “Ċens, imutlek żgur. Ibnek għandu l-pulmun tax-xellug diġà niexef. Ħajtu tinsab fi tmiemha. Ma jwassalx sa aktar minn sitt xhur oħra”. Ġorġ, meta sar jaf li kien se jmut, qal lil missieru: “Pa, mhemmx għalfejn tagħmilli pjaneta la dalwaqt se mmut”. Minħabba f’hekk, missieru pperswada ruħu li ma kellu jagħmillu xejn.

Imma, kontra l-verdett tat-tabib, ftit ġranet biss qabel ma kellu jkun ordnat qassis, Ġorġ Preca ħassu tajjeb biżżejjed li seta’ jqum u jmur għall-ordinazzjoni saċerdotali fit-22 ta’  Diċembru 1906. Dun Ġorġ dejjem kien jattribwixxi ll-grazzja tal-fejqan lil San Ġużepp.

Għandna naħsbu li d-devozzjoni ta’ Dun Ġorġ lejn San Ġużepp bdiet minn ċkunitu, fi ħdan il-familja tiegħu li kienet reliġjuża għall-aħħar. Imma għandna nissoponu wkoll li, wara li kiseb il-fejqan mill-marda gravi u ġarrab personalment il-protezzjoni qawwija tiegħu, din id-devozzjoni kompliet tikber aktar.

Protettur tal-Mezzi Temporali

Meta waqqaf is-Soċjetà tal-MUSEUM, Dun Ġorġ qiegħed lil San Ġużepp bħala l-qaddis protettur tal-mezzi temporali. Ir-raġuni li jagħti għal dan hija sempliċi: f’ħajtu San Ġużepp kien jaħseb għall-bżonnijiet kollha tal-Familja Mqaddsa; hekk issa hu għadu jieħu ħsieb ta‘ dawk li jsejħulu fil-bżonnijiet tagħhom. U nistgħu ngħidu li San Ġużepp ħa ħsieb tassew tas-Soċjetà tal-MUSEUM.

Meta Dun Ġorġ kien għaddej minn żminijiet diffiċli fl-ewwel snin tas-Soċjetà, huwa sab faraġ kbir nhar il-festa ta’ San Ġużepp, 19 ta’ Marzu 1917. Hu kien jgħid li dakinhar San Vinċenz Ferreri deherlu darbtejn u ġie aċċertat minn dan il-qaddis Dumnikan li l-Mulej kien miegħu u għalhekk ma kellux għalfejn jitħawwad.

Fit-Talb tas-Soċji tal-Museum

Meta Dun Ġorġ fassal l-Arloġġ Museumin (speċi ta’ Brevjar tas-soċji tal-Museum), huwa ried li kull soċju jsejjaħ lil San Ġużepp malli jistenbaħ billi jgħaqqad l-isem tiegħu mat-tnejn l-oħra li huma l-egħżeż għal kull Nisrani. Għalhekk, l-Arloġġ Museumin jiftaħ bl-invokazzjoni ta’ Ġesù, Marija u Ġużeppi.

Huwa wkoll għażel il-ġurnata tal-Erbgħa biex is-soċji jiddedikawha lil San Ġużepp u jsellmulu bl-istrofa ħelwa mimlija mħabba, bħala l-kustodju tal-Verġni u Missier hieni.

Il-Fundatur tal-Museum, fl-episodji tal-Arloġġ Museumin fil-ġurnata tal-Ħadd għallimhom jiftakru wkoll f’dan il-qaddis li kien jixtieq li jsejħulu, ‘O San Ġużepp ta’ qalb safja’. Ġakulatorja li Dun Ġorġ għallimha lill-poplu kienet, ‘Qalb safja ta’ San Ġużepp, aqfilna ġewwa fik’. L-idea hija li l-Insara jidħlu u “jissakkru” fil-qalb ta’ dan il-qaddis hekk qrib ta’ Ġesù.

Dun Ġorġ kien fassal programm speċjali (laqgħa ta’ talb speċjali bejn il-membri tal-Museum) f’ġieħ San Ġużepp, biex isir fid-19 ta’ Marzu. Kien programm ta’ ġurnata, għax dik kienet festa kmandata. Parti mill-programm kienet tiġbor fiha lista ta’ dikjarazzjonijiet fuq San Ġużepp. Dan il-programm għadu jsir sal-lum mill-membri tal-Museum, għalkemm f’forma mqassra.

IlKtieb San Ġużepp

Il-ktieb “San Ġużepp” ta’ San Ġorġ Preca, ktejjeb ta’ devozzjoni u meditazzjoni fuq San Ġużepp, fih wieħed u tletin ħsieb qasir fuq dan il-qaddis, biex jinqraw wieħed kuljum matul ix-xahar ta’ Marzu, ix-xahar dedikat lil dan il-qaddis. Dan il-ktieb kien “il-paġna tax-xahar” ta’ Marzu biex tinqara mis-soċji tal-Museum fl-assenjatur (il-laqgħa tagħhom ta’ kuljum).

Il-kontenut ta’ dan il-ktieb, Preca jieħdu l-aktar mill-Vanġelu iżda huwa jħaddem l-immaġinazzjoni tiegħu biex min jaqra jew jisma’ dak li qed jinqara jieħu gost bl-ilwien letterarji u s-sentimenti li jesprimi l-awtur, kif jidher fost l-oħrajn fil-paġna tas-7 ta’ Marzu:

“San Ġużepp kien qiegħed jistenna b’ħerqa kbira li jara s-Salvatur tad-dinja li kien ilu moħbi diġà disa xhur fil-ġuf verġinali ta’ Marija Santissima. Kien persważissimu li kien Alla nkarnat dan li kellu joħroġ u jsaltan għal dejjem fid-dar ta’ Ġakobb.  Ara l-mument. F’nofs il-lejl ġewwa l-għar ta’ Betlehem, il-Verġni Imbierka, iġġib fid-dinja l-mixtieq minn tant sekli u wara li nfaxxatu, qegħditu fil-maxtura.”

“U hija flimkien ma’ San Ġużepp ma kinux jafu jaqilgħu għajnejhom mill-wiċċ tal-imwieled Messija. Wiċċ ta’ tarbija li, billi għadha kemm twieldet, kien jiftaħ u jagħlaq l-għajnejn suwed tiegħu u kien jitfagħhom lejn min kien tant amorużament viċin tiegħu. L-ewwel għajnejn li raw is-saħħa ta’ Alla u l-ewwel uċuħ li ra Alla inkarnat kienu dawn ta’ San Ġużepp u ta’ Marija Santissima.”

Il-ktejjeb hu mqassam f’invitatorju (stedina), l-oġġett tal-istudju, talba lil San Ġużepp u l-istrofa ‘Salve Sancte Joseph’. Fit-talba lil San Ġużepp, Dun Ġorġ isejjaħ lil dan il-qaddis biex jitlob lil Alla għalina ħalli jagħtina xi virtù skont it-tagħlim li nkunu qrajna. Drabi oħra hu jistedinna nitolbu lil San Ġużepp biex jidħol għalina quddiem Alla ħalli nersqu iżjed lejn Ġesù u nimitawh u nħobbuh.

Dan il-ktieb reġa’ ħareġ fl-1997. F’din l-edizzjoni ġdida żdiedu wkoll kitbiet oħra tiegħu fuq l-istess suġġett.

San Ġużepp u d-Dnub tan-Nisel

Sforz l-imħabba li Dun Ġorġ kellu għal San Ġużepp, hu kien jgħid li, jekk ma jkollux xi projbizzjoni min-naħa tal-Knisja, ma jsibx diffikultà jgħid li San Ġużepp kien, bħal Madonna, mingħajr id-dnub tan-nisel. Preca kien jaqbel ħafna mat-tagħlim li ta dwar San Ġużepp il-Franġiskan San Bernardinu ta’ Siena, għax jidher li dan hu xieraq għad-dinjità li kellu dan il-qaddis.

Imma lil Dun Ġorġ kienu jiġuh qishom bħal skrupli dwar dan, għax il-Knisja qatt ma ddikjarat ruħha fuq hekk. Mhux biss, hu beża’ li seta’ ma jkunx eżatt fi kliemu għax Papa Piju IX, fid-definizzjoni tal-Immakulata, kiteb fil-bolla li dan kien privileġġ singulari. Għalhekk, wara li fil-ktieb “San Ġużepp”, hu kien kiteb dwar it-tnissil tiegħu bla dnub tan-nisel, iżjed tard inġiebet nota fil-Kalendarju Museumin, biex dik il-parti titħalla barra. Dun Ġorġ, għalkemm mimli b’imħabba lejn San Ġużepp, kien jibża’ ħafna li ma jaqbilx mal-Knisja.

San Ġużepp Mudelli għall-Insara kollha

San Ġorġ Preca kien iħobb iqim lil San Ġużepp bħala Padrun tal-Knisja Universali, kien ipoġġih bħala xempju għall-familji tagħna u kien jgħallem li hu l-qaddis protettur tal-moribondi.

Fil-Programm Speċjali ta’ San Ġużepp, Preca jikteb: “Jekk San Ġużepp huwa mudell għall-insara kollha, però b’mod speċjali huwa għas-saċerdoti li bl-idejn ikkonsagrati tagħhom jittrattaw l-istess Ġesù Kristu, li hu b’tant venerazzjoni kien iqim fuq id-dirgħajn kastissimi tiegħu; huwa wkoll mudell għall-ġenituri li għadhom irabbu l-uliedhom bl-edukazzjoni tar-ruħ u tal-ġisem, billi San Ġużepp għamel tant kura lejn Kristu Ġesù, l-Iben putattiv tiegħu; huwa wkoll għall-miżżewġin li għandhom jinħabbu b’għajnuna sinċiera lejn xulxin, bħalma San Ġużepp kien jirrispetta b’tant qima tal-qalb lil martu Marija Santissima u b’tant fedeltà lejha.”

“Huwa wkoll mudell għall-ħaddiema li għandhom jitħarġu fix-xogħol għall-manteniment tagħhom u ta’ wliedhom, għax San Ġużepp kien ħaddiem u ma kienx jabborri x-xogħol u taħt l-għajnejn tal-pajżani tiegħu bl-onestà kollha mingħajr mistħija kien f’ħanutu jagħmilha ta’ mastrudaxxa; huwa wkoll għat-tribulati li għandhom jissaportu s-salib li Alla fil-ħniena infinita tiegħu u fil-providenza tiegħu jiddisponi fuqhom, infatti San Ġużepp ġarrab duluri tassew ħorox fil-qalb tiegħu għall-kawża ta’ Ġesù u ta’ Marija Santissima.”

“Iva San Ġużepp huwa mudell għal kull serv fidil t’Alla, għax fih kien hemm kull xorta ta’ virtù u ma jistax jonqos xħin l-Ispirtu s-Santu fil-Vanġelu espressament sejjaħlu ‘bniedem ġust’ mentri ma kienx issejjaħlu hekk, kieku f’San Ġużepp kienet nieqsa xi virtù.”

Xebh mal-Ittra ta’ Papa Franġisku

Jekk wieħed jaqra sew l-Ittra “Patris Corde” li ħareġ Papa Franġisku fi tmiem is-sena l-oħra ma jistax ma jinnutax xebh kbir mal-emfasi li jagħti San Ġorġ Preca fil-mod kif jitratta l-figura ta’ San Ġużepp. Ħafna mit-titli li Franġisku jagħti lill-kapitli tal-Ittra Appostolika tiegħu, “Missier maħbub”, “Missier fil-ħlewwa” (li Preca jsejħilha manswetudni), “Missier fl-ubbidjenza”, “Missier li jilqa’”, “Missier ta’ kuraġġ kreattiv”, “Missier Ħaddiem” u “Missier fid-dell”, kif rajna, huma temi favoriti wkoll tal-Fundatur tal-Museum fil-kitbiet tiegħu.

Intemmu din is-sensiela ta’ tliet artikli b’żewġ talbiet. L-ewwel waħda ta’ Papa Franġisku li biha jtemm l-Ittra “Patris Corde”, u fl-aħħar dik ta’ San Ġorġ Preca.

Sliem għalik, ħarries tal-Feddej,

u għarus tal-Verġni Marija.

Lilek Alla fdalek lil Ibnu:

fik Marija qiegħdet il-fiduċja tagħha;

miegħek Kristu trawwem bħala raġel adult.

O Mqaddes Ġużeppi, kun missier għalina wkoll,

u mexxina fit-triq tal-ħajja.

Aqlgħalna l-grazzja, il-ħniena u l-kuraġġ,

u ħarisna minn kull deni. Ammen.

(Papa Franġisku, 2020)

O San Ġużepp, ħadd ma jirrikorri għand ħadd, jekk ma jkunx għarfu setgħani li jagħtih l-għajnuna, u li fih hemm qalb tajba:

issa mela, aħna nirikorru lejk, għax aħna fik rajna dawn iż-żewġ ħwejjeġ.

Inti tassew għani fil-potenza, għax inti int il-kap tas-Sagra Familja:

Kristu huwa Alla u bniedem, Marija Santissima hija omm Alla, u inti l-kap tagħhom.

Inti tassew għandek qalb ta’ missier:

u għalhekk nirrikorru lejk f’kull bżonn tagħna,

u speċjalment li taqlagħlna mewta tajba. Ammen.

(Dun Ġorġ Preca, 1948)

Share With: