RITRATTI: Ikkonfermati tliet snin ħabs għal raġel li tajjar u qatel ċiklist

Anthony Taliana ta’ 32 sena kellu s-sentenza ta’ tliet snin priġunerija kkonfermata fl-appell wara li nstab ħati li bi traskuraġni kkaġuna l-mewt ta’ ċiklist f’Baħar iċ-Ċagħaq, f’inċident li seħħ 12-il sena ilu.

L-inċident imur lura għat-30 ta’ Lulju tal-2009, meta għall-ħabta tal-5.15 a.m. fi Triq il-Kosta, Taliana kien tajjar lil James Clifford Micallef, li dak il-ħin kien qiegħed isuq mal-ġenb tat-triq, u baqa’ sejjer minn fuq il-post. 

Taliana kien tressaq fil-Qorti tal-Maġistrati b’rabta ma’ dan l-inċident u f’Ottubru tal-2018 kien instab ħati ta’ qtil involontarju u li saq vettura meta ma kienx f’kundizzjoni li jsuq minħabba xorb jew drogi. 

Huwa kien ikkundannat tliet snin ħabs u kien skwalifikat milli jżomm jew jikseb liċenzja tas-sewqan għal perjodu ta’ sena, b’Taliana sussegwentement jappella minn din is-sentenza.

Mill-provi mressqa quddiem l-Imħallef Edwina Grima, ħareġ li l-vittma wara l-impatt kien spiċċa mixħut mal-art fuq in-naħa tax-xellug tat-triq. Fil-post instab ukoll parti minn bumper ta’ vettura li fuqu kienet għadha imwaħħla t-tarka ta’ reġistrazzjoni bin-numru tal-pjanċi fuqha u aktar ‘l isfel mill-katavru nstabet ir-rota tal-vittma taħt vettura oħra.

Minn dak li ġie konstatat fuq il-post mill-Pulizija u anke mill-esperti rriżulta li r-rota tal-vittma kienet tkaxkret tul in-niżla mill-vettura l-oħra u nqabdet taħt ir-rota ta’ quddiem ta’ din l-istess vettura.

L-evidenza fejn seħħ l-inċident

Irriżulta li x-xufier li kien ikkawża dan l-inċident kien saq minn fuq il-post. Mill-istħarriġ li għamlu l-Pulizija rnexxielhom jaslu għal Taliana u stabbilixxew ukoll li dakinhar tal-inċident fil-vettura kien hemm persuna oħra riekba miegħu, billi kien hemm tiċpis tad-demm fuq is-seat. Din il-persuna rriżulta li kienet Natasha Chesney.

Fil-Qorti ħareġ li l-impatt kien wieħed qawwi ħafna tant li ċ-ċiklista tar minn fuq ir-rota, instabat mal-windscreen u għamel ‘dent’ fonda fis-saqaf tal-karozza, daqqa konsiderevoli li kienet fatali għall-vittma. 

Irriżulta li l-veloċità li biha l-bumper imbeżaq mill-vettura kienet ta’ 91 kilometru fis-siegħa, li kienet taqbeż bil-bosta l-limitu fiż-żona fejn seħħ l-inċident ta’ 70 kilometru fis-siegħa. 

Chesney irrakkontat fil-Qorti kif kienet inħasdet u li bdiet twerżaq wara l-impatt. Hija kienet qalet lil Taliana biex jieqaf iżda huwa naqas milli jagħmel hekk. Min-naħa l-oħra, huwa prova jikkalmaha u baqa’ sejjer lejn Buġibba bil-karozza mfarrka.

Fil-fatt mir-rapport tal-esperti fuq ix-xena tar-reat ma nstabet ebda evidenza ta’ brake marks jew skid marks li jkompli jikkonferma li la waqaf u laqas għamel tentattiv biex jieqaf u baqa’ sejjer fi triqtu kiesaħ u biered. “Din l-attitudni tidher mill-fatt li huwa baqa’ sejjer iqiegħed il-vettura fil-garaxx ta’ missieru u wara daħal jorqod.”

Fil-kunsiderazzjonijiet tagħha, l-Imħallef Grima qalet li ma setgħetx tistrieħ fuq “konġetturi maħluqa minn Taliana”, li sostna li ċ-ċiklista saq għal nofs ta’ triq minħabba siġra, li tinsab fil-ġenb tat-triq, u mbagħad fl-istess nifs jgħid li dan ma kienx viżibbli għalih qabel l-impatt. 

“Li kieku Micallef għamel il-manuvra li qed jgħid l-appellant li saret, żgur li allura huwa kien jinduna biċ-ċiklista quddiemu tempestivament,” tenniet l-Imħallef Grima.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti qalet ukoll li filwaqt li tapprezza li Taliana llum jidher li qabad it-triq it-tajba u qed jgħix ħajja stabbli, dan ma jnaqqas xejn mill-gravità ta’ dan il-każ.

Mal-impatt ir-rota spiċċat taħt vettura oħra

“F’idejn l-appellant il-vettura kienet arma letali, tant li kien kaġun mhux ta’ inċident wieħed biss serju fejn tfajla weġġgħet gravament, iżda sfortunatament l-aġir avventat tiegħu wassal għal mewt ta’ missier ta’ familja.”

Il-Qorti kompliet tgħid li ma tistax tinjora l-effetti traġiċi li ħalla warajh dan l-inċident fuq il-familjari tal-vittma, li għadhom sal-lum jinħassu minnhom b’mod speċjali minn omm li spiċċat trabbi familja waħedha bil-piż kbir li dan iġib miegħu. 

“Dan irrispettivament mill-fatt li l-appellant ikkumpensa lill-familja bl-għajnuna finanzjarja tal-ġenituri tiegħu, billi huwa lanqas kien kopert b’polza ta’ assigurazzjoni, għalkemm tistqarr li ebda kumpens qatt ma jista’ jissostittwixxi l-ħajja ta’ bniedem li ntemmet ħesrem u inutilment minħabba f’dan l-inċident.”

Kien għal dawn ir-raġunijiet li l-Imħallef Grima qalet li ma tara l-ebda raġuni għalfejn kellha tvarja l-piena u ċaħdet l-appell u kkonfermat is-sentenza appellata fl-intier tagħha. 

Share With: