RITRATTI: Dehra ta’ “Baħħ” hekk kif mil-lum daħlu fis-seħħ miżuri ġodda

Ritratti: Roger Azzopardi

Restoranti, kiosks u snack bars se jkunu qed jinżammu magħluqin mil-lum sal-11 ta’ April li ġej. Huma se jkunu jistgħu joffru biss servizzi ta’ take-away. Dan tħabbar mill-Prim Ministru Robert Abela lbieraħ waqt li tħabbru numru ta’ miżuri intiżi biex inaqqsu l-firxa tal-pandemija f’pajjiżna.

Fl-aħħar ġimgħat l-awtoritajiet konċernati kienu taw il-parir li biex titnaqqas il-firxa jkun aħjar il-bars jingħalqu temporanjament. Din l-aħbar wasslet għal reazzjonijiet varji fosthom dawk li sostnew li din id-deċiżjoni kienet qiegħda tkun inġusta meta tqis li ristoranti kienu qegħdin joffru servizzi simili fl-istess perjodu meta l-każi ġodda komplew jiżdiedu.

F’ritratti miġbudin mill-fotografu tagħna aktar kmieni minn Marsaxlokk tidher dehra differenti minn dik tas-soltu, fejn l-imwejjed u s-siġġijiet jew baqgħu merfugħin jew jekk stess tħallew mifruxin, dawn huma kollha battala u josservaw dawn il-miżuri l-ġodda. Sid tal-operat li jonqos milli josserva dawn il-miżuri se jkun qiegħed jaffaċċja multa ta’ €6,000 li rduppjat bil-għan li jonqsu l-abbużi.

Fost sidien li rreaġixxew għal dawn il-miżuri l-ġodda kien hemm uħud li qablu ma dawn il-miżuri; anke jekk b’dannu għal bwiethom u dan hekk kif l-għan wara dan kollu hu li titnaqqas il-firxa li tista’ twassal għal irkupru ekonomiku aqwa fil-futur.

Share With: