Rinnovar fid-Dipartiment tal-Fiżjoterapija tal-Isptar Karin Grech

Steward Health Care Malta wettqet investiment ieħor fl-isptarijiet tagħha li kien jikkonsisti fil-proġett ta’ rinnovar tad-dipartiment tal-fiżjoterapija tal-Isptar Karin Grech. Dan isegwi l-proġett l-ieħor li tħabbar dan l-aħħar ta’ titjib estensiv fid-dipartimenti tal-emerġenza u tal-outpatients tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Fid-dipartiment tal-fiżjoterapija jattendu nies ta’ etajiet differenti u b’kundizzjonijet mediċi varji. Kull sena fid-dipartiment isiru madwar 40,000 vista lil pazjenti in-patient kif ukoll out-patient.  Il-professjonista tad-dipartiment tal-fiżjoterapija jassessja, jidentifika l-kawża tal-uġigħ u jikkura pazjenti b’diffikultajiet ikkawżati minn uġigħ, ebusija jew dgħufija tal-ġisem, u minn nuqqas ta’ bilanċ minħabba problemi fil-muskoli, fl-għadam, fil-ġogi, fin-nervituri, fl-għeruq li jgħaqqdu l-muskoli mal-għadam, fil-ligamenti, fil-qarquċa tal-għadam, u fl-irkiekel tax-xewka tad-dahar. Jgħinu wkoll lill-pazjenti fit-terapija wara xi operazzjoni jew intervent ortopediku.

Ix-xogħlijiet ta’ rinnovar f’dan id-dipartiment inkludew it-tisbiħ tad-dehra ġenerali tal-kmamar u tal-faċilitajiet biex tittejjeb kemm l-esperjenza tal-istaff u kemm tal-pazjenti. Barra minn hekk, inbidlet is-sistema tal-elettriku u tqiegħdet art ġdida tal-vinyl fid-dipartiment kollu għal ambjent aktar sigur għall-istaff u l-pazjenti. 

Dr Nadine Delicata, id-Direttur Eżekuttiv ta’ Steward Malta, qalet li: “Il-proġett intlaqa’ tajjeb ħafna għax dan il-post qatt ma kien ġie rranġat minn meta s-servizzi akuti ġew trasferiti mill-Isptar San Luqa għal Mater Dei fl-2007. It-tisbiħ li sar fil-faċilitajiet kliniċi u tal-istaff se jgħin biex, temporanjament, id-dipartiment jibqa’ joffri s-servizzi tiegħu sa ma jinbena u jibda jintuża l-isptar il-ġdid ta’ riabilitazzjoni. Nieħu din l-okkażjoni biex nirringrazzja lil dawk kollha li jużaw is-servizzi tagħna u lill-istaff għall-paċenzja u l-koperazzjoni tagħhom sa ma tlesta l-proġett, li kien qed isir f’fażijiet differenti ħalli, kemm jista’ jkun, ma jigix affettwat  l-għoti tas-servizzi waqt li saru x-xoghlijiet.. ”

Issa, bis-saħħa ta’ aktar spazji kliniċi fid-dipartiment tal-fiżjoterapija, il-membri tal-istaff se jkunu jistgħu jaħdmu f’aktar kumdità u jtejbu s-servizzi offruti. Fil-gym muskoloskeletali l-ġdid, il-fiżjoterapisti se jkunu jistgħu jiggwidaw aħjar lill-pazjenti b’aktar programmi ta’ eżerċizzju u mobilità. Il-postijiet il-ġodda mkabbra tad-dipartiment jinkludu taqsima għar-riabilitazzjoni newroloġika tal-pazjenti. Fiha hemm ir-riżorsi meħtieġa għall-immaniġġjar tar-riabilitazzjoni u d-diżabilità. Hemm ukoll aktar kmamar għal sessjonijiet ta’ kura fil-privat meta jkunu meħtieġa.

Dan il-proġett ħoloq ukoll spazji ġodda għal sessjonijiet ta’ taħriġ u informazzjoni li qabel ma kinux hemm. Inħolqu spazji apposta għall-uffiċċji tal-istaff biex ikunu jistgħu jaħdmu b’mod virtwali, f’sessjonijiet ta’ kura online, waqt il-pandemija tal-COVID-19 li għaddejjin minnha. Tkabbar ukoll l-ispazju tal-għajnuna għall-istaff tad-dipartiment tal-fiżjoterapija.

Id-dipartiment tal-fiżjoterapija tal-Isptar Karin Grech joffri servizzi varji bħal riabilitazzjoni vaskulari u f’każijiet ta’ amputazzjoni, riabilitazzjoni newroloġika, kura u riabilitazzjoni muskoloskeletali, riabilitazzjoni ortopedika, u terapija akkwatika.

Share With: