Restoranti se jinżammu magħluqin sal-11 ta’ April ħlief biex joffru servizz ta’ take-away

Restoranti, kiosks u snack bars se jkunu qed jinżammu magħluqin minn għada l-Ġimgħa sal-11 ta’ April li ġej. Huma se jkunu jistgħu servizzi biss ta’ take-away. Dan tħabbar mill-Prim Ministru Robert Abela waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha ħabbar numru ta’ miżuri bil-għan li tiġi kkontrollata l-pandemija f’pajjiżna, wara li matul dawn l-aħħar jiem żdiedu sinjifikament il-każi ġodda ta’ Covid-19.

Il-Prim Ministru żied jgħid li nightclubs, bars u każini wkoll se jkunu qed jinżammu magħluqin. Dawk li jinqabdu jiksru dawn il-miżuri se jkunu qed jingħataw multa ta’ €6,000.

Huwa qal li attivitajiet tal-massa, apparti tiġijiet u attivitajiet reliġjużi, wkoll se jkunu qed jitwaqqfu milli jiżvolġu.

Miżura oħra tgħid li attivitajiet li jsiru f’residenza se jkunu limitati għal persuni minn erba’ residenzi differenti. Kull min jinqabad jikser din ir-regola se jkun qed jingħata multa ta’ €100.

Fl-istess waqt huwa qal li kemm jista’ jkun ħaddiema fis-servizz pubbliku huma mħeġġin li jaħdmu bit-teleworking. Huwa għamel l-istess appell għas-settur privat.

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li m’hemm l-ebda dubju li ż-żieda fin-numru ta’ każi hija waħda ta’ tħassib. Tenna li l-varjant tar-Renju Unit jidher li huwa wara ż-żieda sinjifikanti fil-każi ġodda rapportati. Fl-istess waqt qal li minkejja n-numru ta’ pazjenti fl-isptar żdied, is-sitwazzjoni xorta waħda tinsab taħt kontroll.

Tenna li s’issa 13% tal-popolazzjoni irċeviet tilqima tal-vaċċin, b’nofshom anke jieħdu t-tieni doża.

Fir-rigward tal-iskejjel, huwa qal li l-awtoritajiet ma jixtieqx li jagħlaq l-iskejjel minħabba l-importanza tal-edukazzjoni. Madankollu sports u attivitajiet oħrajn għal tfal se jkunu qed jitwaqqfu għal perjodu ta’ ftit ġimgħat minħabba li l-varjant tar-Renju Unit huwa aktar infettiv fost it-tfal. Tenna li filwaqt li l-każi mhumiex serji, il-virus jista’ jiġi trasmess lill-adulti.

Ħabbar ukoll li ż-żjarat fl-isptar lil pazjenti se jkunu qed jitwaqqfu, apparti dawk il-każi meqjusin bħala terminali.

Share With: