“Qisni ġisem bla ruħ”; Carmel Pace jfakkar it-traġedja li serqet ħajjet martu

“Għaddiet sena minn meta l aħħar li kelimtek u rajtek mimlija ħajja. X’anniversarju dak hux?” Dan huwa parti minn kumment mimli dieqa li għamel Carmel Pace, żewġ Miriam Pace li mietet bħal-lum sena wara li r-residenza tagħhom f’Santa Venera ġġarrfet.

“Anniversarju li minflok tiċċelebra terġa’ tispiċċa mkisser meta jibdew jiġu quddiem għajnejk sekonda b’sekonda l-avvenimenti kollha li ġraw f’dan il-jum misħut,” żied jgħid Pace.

Huwa tenna li l-jum traġiku li fih inqatlet martu huwa jum li fih tilef kollox. “Tlift it-trankwillità, tlift dak kollu li ħdimt għalih għomri kollu, iżda fuq kollox tlift l-imħabba ta’ qalbi.”

Żied jgħid li ħajtu qatt mhi se terġa’ tiġi lura għan-normal … “qisni ġisem bla ruħ”.

B’rabta ma’ dan l-inċident il-Pulizija ressqet il-Qorti lil erba’ persuni: il-Perit tal-proġett ta’ 36 sena residenti r-Rabat, is-Site Technical Officer (Perit) ta’ 72 sena residenti l-Gżira, il-kuntrattur ta’ 37 sena residenti Ħaż-Żebbuġ u ħaddiem ta’ 42 sena residenti l-Imqabba. 

Huma se jkunu akkużati bil-qtil involontarju ta’ mara ta’ 54 sena residenti l-Ħamrun, kif ukoll li għamlu ħsarat fuq proprjetajiet ta’ ħaddieħor, u li naqsu milli josservaw dikjarazzjoni tal-metodu, fost diversi akkużi oħrajn.

Share With: