Proċessati madwar disa’ tunnellati kuljum ta’ metall li jintremew fil-borża s-sewda


Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia li qal li din il-sorting line ġdida qed tirkupra madwar 600,000 bott tal-landa kuljum.

Il-metall qed jiġi estratt bl-użu ta’ magnetic separator u tagħmir mekkaniku ieħor biex imbagħad jiġi ttrasferit fuq conveyor belt biex jiġi magħżul manwalment ħalli jintagħżel biss metall ta’ kwalità tajba. 

Il-ministru spjega li dawn il-miżuri huma parti minn strateġija fuq medda qasira ta’ żmien biex tkompli ttejjeb il-prestazzjoni tar-riċiklaġġ ta’ Malta sakemm il-proġett rivoluzzjonarju ECOHIVE jitlesta.

“It-tagħmir li qed jintuża f’dan il-proċess ġie ddisinjat internament mit-tim tal-WasteServ billi ntuża tagħmir li ma kienx se jibqa’ jintuża u kien se jitneħħa miċ-ċirkulazzjoni. Minbarra l-irkupru ta’ tunnellati f’materjal riċiklabbli li jiswa ħafna flus, tagħmir li kien se jiġi skreppjat ġie użat mill-ġdid filwaqt li ġew żgurati l-ogħla standards ambjentali, u tas-saħħa u tas-sigurtà. Dan juri l-effettività tal-kunċett ta’ ekonomija ċirkolari”, qal il-Ministru Farrugia.

Matul iż-żjara tiegħu, il-ministru  ħeġġeġ lill-pubbliku inġenerali biex ikompli jżid l-isforzi tiegħu fis-separazzjoni tal-iskart. Il-Ministru Farrugia stieden lill-industrija biex tieħu dan bħala eżempju ta’ kif il-kunċetti ta’ prevenzjoni, użu mill-ġdid, u riċiklaġġ jistgħu jiġu implimentati b’mod sostenibbli.

Il-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ Richard Bilocca rringrazzja lill-impjegati għall-isforzi kontinwi tagħhom biex jgħinu fit-titjib tal-prestazzjoni tar-riċiklaġġ ta’ Malta

Share With: