“Prematur biex ngħidu li se negħlbu l-pandemija sal-aħħar tas-sena”

Minkejja li l-imxija tal-Covid-19 f’ċerti pajjiżi qed tikkalma riżultat tal-miżuri ta’ lockdown u l-programmi ta’ vaċċinazzjoni, għadu prematur biex wieħed jaħseb li l-pandemija se tkun qed tiġi fi tmiemha sal-aħħar tas-sena. Qal dan id-direttur eżekuttiv għal servizzi ta’ emerġenza fi ħdan l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO).

Waqt li kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet f’Ġinevra, Dr Michael Ryan qal li filwaqt li l-vaċċinazzjoni ta’ dawk l-aktar vulnerabbli, inkluż il-ħaddiema tas-saħħa, se jkun qed jgħin biex jitneħħa l-element ta’ biża’ mis-sitwazzjoni preżenti u se jkun qed itaffi mill-pressjoni fuq l-isptarijiet, il-virus għadu fil-kontroll tas-sitwazzjoni.

“Ikun prematur, u naħseb mhux reali, biex wieħed jaħseb li sal-aħħar ta’ din is-sena se nkunu għelibna l-pandemija għal kollox,” sostna Ryan.

“Jekk il-vaċċinazzjoni se jibda jħalli impatt mhux biss fuq l-imwiet u kemm jiddaħħlu nies l-isptar, iżda wkoll mil-lat ta’ tnaqqis fir-riskju ta’ trasmissjoni, allura nemmen li se nkunu qed naċċelleraw biex nikkontrollaw il-pandemija,” huwa żied jgħid.

In-numru ta’ każi ġodda fuq livell globali żdied il-ġimgħa li għaddiet għall-ewwel darba fi kważi xahrejn. Il-każi ġodda rapportati żdiedu f’erba’ mis-sitt reġjuni tal-WHO: l-Amerika, l-Ewropa, l-Ażja u l-Lvant tal-Mediterran.

Share With: