“Oppożizzjoni interessata li tagħmel ballun politiku minn dak li għaddej madwarna”

Il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli f’intervent li għamlet fil-Parlament, sostniet li minflok f’dan il-pajjiż qed naraw politiċi li b’mod kostruttiv jgħidu kif għandna nkunu ta’ sostenn għall-ġid nazzjonali, qed naraw attakki b’allegazzjonijiet ta’ min iħossu komdu jinħeba wara l-immunità parlamentari u saħansitra jimmina dak li qed isir f’pajjiżna. 

“Oppożizzjoni Nazzjonalista li mhux interessati jgħinu lil pajjiżna jimxi ‘l quddiem. Esponenti ta’ klikka fil-Partit Nazzjonalista li jinteressaha biss fil-partiġġjaniżmu għax il-kilba għall-poter għamiethom għalkollox. Oppożizzjoni interessata li tagħmel ballun politiku minn dak li għaddej madwarna,” qalet Dr Dalli. 

“Fuq naħa għandek Gvern Laburista li qed jagħti l-awtonomija lill-istituzzjonijiet li jagħmlu xogħolhom u fuq naħa oħra Oppożizzjoni Nazzjonalista li tilgħabha tal-paladina tal-ġustizzja iżda meta raw l-aħħar żviluppi marru jiġru Brussell biex jattakkaw lil Malta”. 

Il-Ministru Dalli tkellmet ukoll dwar l-għajnuna li qed jagħti l-Gvern fosthom lin-negozji u l-ħaddiema tagħhom. Semmiet kif sa issa ngħataw €450 miljun f’Wage Supplement li dan l-ammont mistenni jkompli jiżdied sal-aħħar tas-sena. 

Semmiet ukoll l-għajnuna fir-rigward tal-kirjiet u fil-kontijiet tal-elettriku, investiment ta’ 14-il miljun. Dan filwaqt li l-Gvern qed jara li jkompli jinċentiva l-industrija inkluż l-istart ups. 

Dwar is-settur tal-enerġija, hija qalet li dan hu Gvern li jemmen f’enerġija nadifa fejn riċentament tħabbar investiment b’saħħtu ta’ €9 miljun biex il-familji u r-residenzi jkunu jistgħu jinvestu f’apparat bħal PV’s. “Irridu naraw li jkollna enerġija nadifa li taċċerta li f’pajjiżna jkollna stabbiltà, prezzijiet orħos u arja aktar nadifa.”

F’dak li għandu x’jaqsam mas-settur tal-ilma, il-Ministru Dalli qalet li grazzi għall-ħidma tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tnaqqas il-ħin ta’ stennija għat-talbiet ta’ stennija. Dan filwaqt li ntbagħtu xejn inqas minn 20,000 messaġġ lill-konsumaturi li kellhom konsum eċċessiv.

Intant, dwar ix-xogħol li għaddej f’Wied il-Qlejgħa, hija qalet li l-impenn tal-Gvern huwa li sal-aħħar tas-sena tiġi rijabilitata din iż-żona ta’ 5,000 metru kwadru. “L-għan ewlieni ta’ dan il-proġett huwa li jgħin fir-rijabilitazzjoni tal-ekosistemi ta’ dan il-wied filwaqt li nipprovdu aktar spazji miftuħa għall-familji.” 

Share With: