Offerti ‘foloz’ ta’ biljun doża ta’ tilqim lill-gvernijiet tal-UE

Minn Victor Vella

Il-pandemija tal-Covid-19 u proċeduri li hemm marbutin magħha fosthom ċertifikati foloz għall-ivvjaġġar, wasslu biex jibdew jinħolqu organizazzjonijiet kriminali li bdew jinnegozjaw ċertifikati foloz ta’ ivvjaġġar waqt li oħrajn saħansitra anke offrew dożi ta’ tilqim foloz lill-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea. S’issa ma jidhirx li tpoġġew tilqim falz fis-suq Ewropew, imma hemm biss offerti għal tilqim u li ma’ dawn l-offerti mhux qed tingħata informazzjoni dwar dan l-istess tilqim bl-awtoritajiet jgħidu li dawn huma offerti ‘foloz’.

Sorsi li tkellmu ma’ dan is-sit, sostnew li “ninsabu konxji ta’ din it-theddida. Il-pajjiżi kollha Ewropej, naqsmu bejnietna informazzjoni li tkun qed tasal. Ġejna mgħarrfin b’tentattivi biex jinbiegħu dożi ta’ tilqim foloz. Kull pajjiż tal-Unjoni Ewropew hu ppreparat u infurmat dwar dan”. L-istess sorsi spjegaw li “rridu nserrħu ras kulħadd li l-gvernijiet tal-Unjoni Ewropea ma jixtrux tilqim minn intermedjarji imma direttament mill-kumpaniji tal-farmaċewtika. Dawn ikollhom prodotti liċenzjati, u li tfisser li jkunu ġew approvati mill-awtoritajiet tas-saħħa Ewropej”.

Filfatt l-istess sorsi spjegaw li awtoritajiet fl-Unjoni Ewropea infurmaw lill-gvernijiet li qed isiru offerti għal xejn inqas minn bejgħ ta’ biljun tilqima kontra l-Covid-19. Il-valur tagħhom fis-suq ivarja bejn €13 u €15-il miljun.

L-istess sorsi infurmat li l-aġenzija ta’ kontra l-frodi tal-Unjoni Ewropea OLAF, wissiet li hemm intermedjarji li qed jitolbu ħlasijiet bil-quddiem għal ordnijiet ta’ tilqim għal kontra l-Covid. Fi kliem l-aġenzija m’hu qed tingħata ebda data ta’ meta it-tilqim tingħata u qed jiddeskrivu dan bħala ‘offerti foloz’.

Fl-aħħar sigħat anke il-Kap tal-Olaf, esprimu ruħu dwar dan. Ville Itala tenna li “dawn it-tentattivi ta’ bejgħ falz huma pjuttost massivi. Dawn qed jibagħtu offerta li mhix waħda reali. Minn dak li rajna sa issa, mal-offerta mhi qed tissemma’ l-ebda tilqima partikolari”.

Jidher li l-OLAF qegħdin jinvestigaw dawn l-offerti li kollox qed jindika li qed isiru minn kriminali professjonali u anke individwi opportunisti. Jidher li mill-ewwel indaġini li saru jidher li dawn l-intermedjarji jinsabu f’pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea. 

Fl-aħħar jiem, mill-Italja eżattament mir-reġjun tal-Veneto sar magħruf li kienet għaddejja investigazzjoni dwar offerti bħal bejgħ ta’ tilqim għal kontra l-Covid-19. L-OLAF, mill-banda l-oħra qalet li hi ma kinitx konxja li fis-suq intefgħu xi tilqim li huma foloz.

Intant il-Europol wissiet dwar organizzazzjonijiet kriminali li qegħdin ibigħu ċertifikati foloz tal-Covid-19 lil vjaġġaturi ġewwa l-ajruporti. Dawn huma taparsi ċertifikati li juru li l-individwu ma jkunx infettat bil-Covid-19. Il-Europol qalet li dawn iċ-ċertifikati qed jinbiegħu għal madwar €300 kull wieħed. 

It-twissija mill-Europol saret wara li l-pulizija arrestaw numru ta’ persuni li allegatament kienu qegħdin ibigħu tali ċertifikati f’ajruporti tar-Renju Unit u Franza. Jidher li l-Europol sabet ukoll li dawn iċ-ċertifikati kienu qed jinbiegħu wkoll online permezz ta’ applikazzjoni fuq il-mowbajl. Dwar dan saru arresti fi Spanja u l-Olanda. 

Dan kollu qiegħed isir hekk kif ħafna pajjiżi tal-Unjoni Ewropea qegħdin jitolbu ċertifikat li juri li l-passiġġier ma jkunx infettat bil-Covid-19. Il-Europol qalet li jidher li l-kriminali qed japprofittaw ruħhom minn dan u minħabba li fis-suq illum il-ġurnata wieħed jista’ jsib printers u anke software ta’ kwalità, il-frodisti jkunu jistgħu jipproduċu imitazzjonijiet taċ-ċertifikati inkwistjoni. 

Share With: