Nisfidaw l-isterjotipi

Tikteb il-Ministru Miriam Dalli

Nhar it-Tnejn li ġej niċċelebraw il-jum internazzjonali tal-mara. Din hija inizjattiva globali li tiċċelebra l-kisbiet soċjali, ekonomiċi, kulturali u politiċi tan-nisa u timmarka sejħa għal azzjoni biex l-ugwaljanza bejn is-sessi tinkiseb malajr kemm jista’ jkun.

It-tema internazzjonali din is-sena hija Choose To Challenge, għax f’dan iż-żmien m’għandnhiex nibżgħu nisfidaw dak li aħna mdorrija bih. L-isfidi jġibu bidla. Meta kollha kemm aħna nagħżlu li nisfidaw dak li għaddej madwarna minflok naċċettawh kif inhu, inkunu f’pożizzjoni li ntejbu l-affarijiet.

Sfortunatament, dan il-jum globali qed nifakkruħ f’kuntest ta’ fenomenu ieħor globali: il-pandemijia COVID-19. Nemmen li din il-kriżi fil-qasam tas-saħħa xeħtet dawl  fuq l-inugwaljanzi fis-soċjetà tagħna li kienu jeżistu qabel, iżda li kawża tal-pandemija ġew imsaħħa.

Fl-aħħar sena, il-pandemija aggravat tali diskriminazzjoni u inugwaljanzi. Irridu naffaċjaw ir-realtà: hemm ħafna nisa f’setturi u professjonijiet varji li kellhom jieqfu mix-xogħol jew jitolbu leave minħabba diffikultajiet biex ilaħħqu kemm mar-responsabbiltajiet ta’ kura u home schooling kif ukoll ta’ xogħol. Barra minn hekk, hemm nisa li sabu ruħhom f’riskju ogħla ta’ vjolenza mis-sieħeb tagħhom u forom oħra ta’ vjolenza domestika minħabba tensjonijiet akbar fid-dar, partikolarment fejn l-abbuż kien diġà jeżisti. 

Iż-żmien li l-mara kienet prinċiparjament responsabbli mill-ulied spiċċa. Dan il-Gvern kellu l-għaqal jintroduċi servizzi bħaċ-childcare bla ħlas u in-work benefit. Illum, il-mara jaqblilha aktar toħroġ taħdem milli tibqa’ d-dar, kuntrarjament għal li kien jiġri fil-passat. 

Dan huwa żmien fejn mhux talli l-aspirazzjonijiet tgħna qed jinbidlu u rridu naraw aktar nisa jkunu rappreżentanti tal-poplu, bil-parteċipazzjoni attiva ta’ aktar nisa fil-politika. Dan m’aħniex ngħiduh bil-kliem biss imma qed inwettquh bil-fatti. Ili mmexxi l-programm LEAD erba snin, u ta’ kull sena nilqgħu ammont ta’ nisa b’ħafna talent x’joffru fil-ħajja politika. Mill-esperjenza ma’ dawn in-nisa, nista’ ngħid li ħafna minnhom ikunu ilhom snin jikkontemplaw jekk jidħlux fid-dinja politika, imma qatt ma’ sabu min jiggwidahom pass pass. Dan qed nagħmluh aħna. 

Ikkommettejna ruħna wkoll li sal-elezzjoni ġenerali li jmiss ikollna mekkaniżmu ġdid fis-seħħ fil-kostituzzjoni sabiex ikun hemm bilanċ aħjar ta’ nisa u irġiel fil-Parlament. Dawn it-tip ta’ deċiżjonijiet huma meħtieġa biex ma jkollniex għalfejn nistennew jum wieħed fis-sena biex nitkellmu dwar ir-rappreżentanza xierqa tan-nisa fil-ħajja professjonali u fil-ħajja pubblika. 

Bħala mara u bħala persuna fil-politika, din id-direzzjoni dejjem ħdimt għaliha u se nkompli naħdem għaliha fir-rwol tiegħi fil-ħajja pubblika u fil-ħajja tiegħi bħala ċittadina Maltija. L-avvanzi li għamilna sa issa jeħtieġ inkomplu nibnu fuqhom, u nersqu lejn soċejtà fejn id-diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru tkun xi ħaġa tal-passat.  

Share With: