Negozjant Tuneżin mixli bi stupru jaħrab minn Malta
Il-Pulizija Maltija talbet l-għajnuna tal-Europol biex jinstab negozjant Tuneżin mixli bi stupru f’Malta li ħarab wara li tressaq fil-Qorti.
Kien f’Lulju 2015 li Mohammed Herzi tressaq fil-Qorti tal-Maġistrati mixli li ittraffika Tuneżina, li żammha kontra l-volontà tagħha u li stupraha.
Mill-informazzjoni li kienet ħarġet mill-Qorti rriżulta li t-tnejn li huma ltaqgħu l-Italja u Herzi talabha tiġi miegħu Malta.
Kien hawn li allegatament huwa stupraha għalkemm Herzi qed jiċħad dawn l-akkużi.
In-negozjanti Tuneżin, li għandu 61 sena, kien miżmum taħt arrest imma jidher li aktar tard ingħata l-ħelsien mill-arrest tant li ħalla Malta.
Ismu huwa wieħed minn dawk li qed jidhru fuq il-lista tal-Europol tal-iktar nies imfittxija fl-Ewropa.
L-Europol hija l-aġenzija tal-UE li tiġbor fi ħdanha l-pulizija tal-istati membri biex jaħdmu flimkien kontra l-kriminalità.
Fuq is-sit tal-Europol jingħad li Herzi qed jiġi mfittex minn Malta fuq ħtif, traffikar ta’ bnedmin u stupru.
Il-lista tal-iktar nies imfittxija fl-Ewropa tinkludi wkoll barrani ieħor li qed jiġi mfittex mill-awtoritajiet lokali fuq qtil.
Hamid Nour Eddien Ibrahim, Libjan ta’ 40 sena, huwa mfittex b’rabta mad-delitt brutali ta’ martu Sylvana Muscat lura fl-2015.
Muscat, li kellha 36 sena, instabet maqtula b’ħames daqqiet ta’ sikkina fl-appartament tagħha f’San Pawl il-Baħar fil-11 ta’ Marzu.
Il-Pulizja Maltija temmen li wara li ħareb lejn l-Italja huwa baqa’ tiela lejn l-Irlanda fejn intlemaħ l-aħħar.