MUŻA jislef pittura ta’ Guido Reni għal wirja f’ġieħ Dante fl-Italja

Il-mużew nazzjonali tal-arti MUŻA silef għal ftit xhur il-pittura “Kristu Rxoxt iħaddan is Salib” tal-artist ċelebri Guido Reni biex tkun esebita f’wirja f’ġieħ Dante li se ssir f’Forlì, l Italja. 

Il-wirja, bl-isem “Dante – La Visione dell’Arte”, se ssir bejn l-1 ta’ April u l-11 ta’ Lulju fil Musei San Domenico ta’ Forlì u ġiet organizzata mill-Gallerie degli Uffizi u l-Fondazione  Cassa dei Risparmi ta’ Forlì b’kollaborazzjoni mal-muniċipju ta’ Forlì. 

Il-wirja tfakkar il-kobor tal-poeta, kittieb u filosofu Taljan Dante Alighieri, li din is-sena  taħbat is-seba’ ċentinarju mill-mewt tiegħu. Il-belt ta’ Forlì għandha rabtiet ma’ Dante  billi għex fiha għal aktar minn sena wara li telaq minn Arezzo fil-ħarifa tal-1302. 

Il-wirja se tkun vjaġġ matul l-istorja tal-arti bejn iż-Żminijiet tan-Nofs u l-preżent,  b’madwar 300 pittura mis-seklu 13 sas-seklu 20 – xogħlijiet ta’ Giotto, Filippino Lippi,  Lorenzo Lotto, Michelangelo u Tintoretto, Boccioni u Casorati, fost oħrajn, li jirreferu  b’mod dirett lejn Dante jew ġew ispirati mit-temi letterarji tiegħu. 

Din il-wirja mhix biss opportunità biex jitfakkar l-anniversarju tal-mewt ta’ Dante – fiż żminijiet diffiċli li d-dinja kollha għaddejja minnhom bħalissa, il-wirja għandha wkoll l għan li tkun simbolu ta’ fidwa u twelid mill-ġdid għad-dinja tal-arti u l-ispirtu ta’ kultura  u ċivilizzazzjoni li tirrappreżenta. 

Ix-xogħol ta’ Reni, magħmul lejn l-1619, huwa żejt fuq it-tila b’daqs konsiderevoli ta’ 228  x 138 ċentimetru, imnebbaħ mill-iskultura “Cristo Risorto” ta’ Michelangelo Buonarroti li  tinsab fil-knisja ta’ Santa Maria Sopra Minerva f’Ruma. Din il-pittura ntalbet billi nħass li  f’sens metaforiku tirrappreżenta r-rabta bejn l-arti u l-figura u x-xogħlijiet ta’ Dante. 

Noel Zammit, Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, qal li din il-wirja, minbarra l-valur  artistiku kbir tagħha, hija wkoll opportunità biex nazzjonijiet u entitajiet differenti  jikkollaboraw bejniethom. Heritage Malta tilqa’ b’ħerqa kollaborazzjonijiet bħal dawn, li  huma forma oħra ta’ diplomazija, għax jagħtu ħafna frott u jissarrfu f’aktar ħidmiet  konġunti f’oqsma bħar-riċerka. “Din hija wkoll opportunità biex nesponu l-arti li  għandna fil-kollezzjoni nazzjonali lil hinn minn xtutna,” qal Noel Zammit. 

Kenneth Cassar, Kuratur Anzjan ta’ MUŻA fi ħdan Heritage Malta, qal li l-fatt li l-Gallerie  degli Uffizi ħarsu lejn il-kollezzjoni nazzjonali ġewwa MUŻA, u għażlu dan il-kwadru  sabiex ikun wieħed mill-opri ċentrali ta’ din il-wirja prestiġjuża, hu fatt li għandu  jagħmilna lkoll kburin. Din it-talba hi ċertifikat, jekk qatt kien hemm bżonnu, li dan il-kwadru ċelebri, li fl-imgħoddi kien jifforma parti mill-kollezzjoni tal-Gran Mastru fil Palazz tiegħu, hu tassew opra ta’ valur internazzjonali.

Share With: