Mil-lum bdiet tingħata l-AstraZeneca lil persuni taħt is-70 sena

Il-vaċċin u l-proċess tat-tilqim

Waqt l-aħħar bulettin b’rabta mas-sitwazzjoni tal-Covid-19 f’pajjiżna s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci qalet li pajjiżna għaddej tajjeb fost il-gruppi kollha. Gauci qalet li pajjiżna qiegħed juża tliet tilqimiet approvati li huma l-Pfizer, il-Moderna u l-AstraZeneca. Hija qalet li skont studji li qegħdin jiġu osservati mill-viċin mill-awtoritajiet lokali ġie kkonfermat li l-vaċċin tal-AstraZeneca qiegħed joffri effiċjenza tajba ħafna fuq dawk li qegħdin jitlaqqmu. Hija ħabbret li dan wassal biex ittieħdet id-deċiżjoni li mil-lum jibdew jitlaqqmu persuni taħt is-sebgħin sena b’dan il-vaċċin.

Il-Każi attivi

Meta kienet qiegħda titkellem dwar il-każi ġodda u l-każi attivi, Gauci qalet li dan in-numru qed jiżdied sostanzjalment. Hija qalet li huwa indikattiv li huwa l-varjant li qed jinfirex b’rittmu aktar mgħaġġel. Żiedet tgħid li dan il-varjant jiġi trasmess iżjed u rridu nkunu iktar diliġenti.

Hija qalet li biex innaqsu l-firxa rridu nkunu stretti ma’ xulxin u nillimitaw man-nies li ngħixu magħhom. Hija żiedet tgħid li jekk għal xi raġuni persuna tagħżel li tistieden persuni fi djarha, anke jekk din l-għażla mhijiex rakkomandata f’dan l-istadju, fl-istess dar ma għandux ikunx hemm iktar minn erba’ familji differenti.

Pazjenti jingħataw il-kura

Bħala pazjenti li qegħdin jingħataw il-kura fl-isptarijiet, tabella ppubblikata waqt il-bulettin turi li hemm;

19-il persuna fl-ITU
11-il persuna fl-IDU
66 persuna fi swali oħra tal-Isptar Mater Dei
19-il persuna fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex (4 fit-Taqsima tal-Kura Intensiva)
Ħames persuni fl-Isptar Boffa
24 persuna fl-Isptar San Tumas
Żewġ persuni f’Karin Grech
23 fl-Isptar Tas-Sammaritan it-Tajjeb

L-età medja

L-età medja ta’ dawk infettati fl-aħħar jiem niżlet għal 38.9 sena. Gauci qalet li l-età medja ta’ dawk li qed jiġu affettwati naqset minħabba li l-proċess tat-tilqim qiegħed jagħti prijorità lill-anzjani u skont l-analiżi li qiegħda ssir u n-numri li qegħdin ikollna juru li din id-deċiżjoni qiegħda tħalli l-frott tagħha.

Share With: