“Mhux se niddejjaq nieħu l-ebda deċiżjoni” – il-PM Robert Abela

Meta mistoqsi mill-ġurnalisti għar-reazzjoni tiegħu bħala Prim Ministru, Robert Abela qal li l-messaġġ li ħareġ ilbieraħ huwa li għandna istituzzjonijiet li qegħdin jaħdmu b’mod indipendenti u bla ma’ jħarsu lejn wiċċ ħadd. Abela qal li fl-aħħar xhur rajna istituzzjonijiet li taw riżultati kontinwi għax il-gvern kompla jibgħat il-messaġġ li verament jemmen fis-saltna tad-dritt.

Abela qal li l-oppożizzjoni tkejjel l-effettività tal-istituzzjonijiet kif jaqblilha. Qal li dan il-gvern fl-aħħar xhur saħħaħ istituzzjonijiet bħalma huma l-FIU, it-taqsima tar-reati ekonomiċi, il-korp tal-Pulizija mill-iżgħar sezzjonijiet sal-Kummissarju, il-ġudikaturi ġodda biex jissaħħu l-qrati u dan wassal il-messaġġ li pajjiżna għandu ambizzjoni li jmur fid-direzzjoni li verament jixraqlu.

Abela qal li qabel l-2013 kellna ekonomija li kienet paralizzata u li dan ħalla effett tiegħu sa xhur ilu li fihom il-Prim Ministru Abela nħatar bħala Prim Ministru u mexxej tal-Partit Laburista, minkejja bidliet kbar li saru mill-2013 ’l hawn.

Mistoqsi dwar jekk Keith Schembri huwiex parti integrali mill-Partit Laburista, Abela qal li minkejja li għandu kull dritt jiddefendi lilu nnifsu, il-Prim Ministru ċaħad li Schembri huwa parti integrali jew parti mit-tim tal-Partit Laburista. 

Il-Prim Ministru qal li huwa għandu s-serenità li jieħu d-deċiżjonijiet kollha li hemm bżonn li jittieħdu fl-interess tal-poplu kollu u determinat li lil dan il-pajjiż ikompli jmexxih ’il quddiem. 

Abela qal li b’mod konsistenti fil-karriera tiegħu dejjem ra li ssir ġustizzja. Huwa qal li dak li sar fl-aħħar xhur juri kemm dan il-gvern huwa kommess li jara li dak li kien aċċettabbli fl-aħħar snin, sa mis-snin disgħin, jiġi indirizzat u ma jiġux ripetuti l-iżbalji.

Rigward l-allegazzjoni ta’ Ministru involut f’big job, Abela qal li hu mill-ewwel talab lill-Kummissarju biex dan jistabbilixxi għal min kien qiegħed jirreferi x-xhud, iżda x-xhud baqa’ jirrifjuta li jsemmi l-isem tal-Ministru li qed ikun allegat involut fil-big job.Huwa stieden lid-Deputat Jason Azzopardi u lix-xhud biex jekk jafu b’xi Ministru isemmuh u jgħidu x’inhu l-allegat involviment tiegħu. Huwa qal li mhux se jiddejjaq jieħu deċiżjoni jekk tkun meħtieġa, iżda mhux lest li jaċċetta manuvrar minn wara.

Rigward il-maħfra presidenzjali, Abela qal li kellna Prim Ministru li fis-satra tal-lejl imur jiltaqa’ ma kriminal u jeżerġità l-ġudizzju tiegħu ’l barra mill-istituzzjonijiet. Abela fakkar dwar il-każ ta’ Żeppi l-ħafi.

Abela tkellem dwar it-telefonata mal-anzjana li wriet kuraġġ li tkompli tgħix f’din is-sitwazzjoni li ġabet magħha din il-pandemija. Abela fakkar dwar żidiet sostenibbli fil-pensjonijiet li għamlu differenza fil-ħajja ta’ 93,000 persuna. Qal li qabel konna nitkellmu dwar il-mediċini out of stock u issa għandek pajjiżi li qed isostnu li pajjiżna ġab wisq aktar dożi tal-vaċċin milli kien jixraqlu.

Rigward laqgħat ma’ awtoritajiet esperti, Abela qal li biex tmexxi waqt pandemija jeħtieġ li jingħata parir xjentifiku li huwa kruċjali biex jitlaħaq bilanċ bejn l-ekonomija u l-ħajja tan-nies. Huwa qal li kruċjali li nibqgħu nixtru aktar dożi tal-vaċċin biex il-proċess ikompli miexi b’dan ir-rittmu u filwaqt li pajjiżna se jkompli jħares l-obbligi, ma jaċċetta qatt li jiġi penalizzat filwaqt li jkompli bl-ambizzjoni li jġib aktar dożi.

Rigward l-immigrazzjoni, Abela qal li kap kmandant, suldati u hu nnifsu ssuggraw li jispiċċaw il-ħabs għax ħadu l-pożizzjoni li pajjiżna huwa full up, filwaqt li esponenti tal-oppożizzjoni qalu li dan mhuwiex minnu. Abela qal li kien hemm suċċess fil-qasam tar-rilokazzjoni, iżda din hija sfida rikorrenti li teħtieġ ħidma kuljum.

Abela qal li hu ma jħarisx lejn l-ismijiet u d-deċiżjonijiet li jieħu jifhem li ma jintgħoġbux minn kulħadd, iżda hemm bżonn li jittieħdu. Il-Prim Ministru qal li mingħajr ma jippolitiċizza, jeħtieġ li nagħtu fiduċja l-istituzzjonijiet biex issir ġustizzja ma’ kulħadd.

Abela qal li għandek min jibdel il-kpiepel bl-għan li jikseb il-poter u mhux biex issir ġustizzja. Qal li għandek gvern li minkejja kull deċiżjoni iebsa, anke b’riflessjoni fuq xi ħadd li kien jimmilità fil-partit dawn qed jittieħdu, iżda ħaddieħor qed jilgħab dan il-logħob bl-istrateġiji.

Share With: