“Mhux minnu li żewwiġt lil Meghan u Harry qabel iċ-ċerimonja f’Windsor” – l-Arċisqof ta’ Cantebury

minn Anthea Cachia

L-Arċisqof ta’ Cantebury, Justin Welby, qiegħed jgħid li mhuwiex minnu li żewweġ lill-Meghan u Harry jiem qabel iż-żwieġ ‘uffiċjali’, f’ċerimonja sigrieta. Dan qalu bħala reazzjoni wara li Meghan Markel stqarret f’dokumentarju ma’ Oprah Winfrey li hija u Harry iżżewġu qabel ma kellhom iċ-ċerimonja uffiċjali, fil-Kappella ta’ San Ġorġ f’Windsor,  nhar id-19 ta’ Mejju, 2018. 

L-Arċisqof tkellem mal-gazzetta Taljana “La Repubblica” tliet ġimgħat wara li l-koppja tkellmu dwar id-diffikulatjiet li ffaċċjaw bħala membri tal-familja rjali Ingliża. Għall-ewwel l-Arċisqof ma xtaqx jikkummenta dwar din il-kwistjoni, iżda skont artiklu ppublikat minn “Daily Mail”, tkellem biss wara ġew involuti membri tal-Kleru oħra. 

“It-tieġ ‘legali’ seħħ is-Sibt”, jiġifieri fi-19 ta’ Mejju,” iddikjara l-Arċisqof ta’ Cantebury. Huwa żied jgħid li kellu numru ta’ laqghat pastorali privati mal-koppja iżda nsista li t-tieġ kien dak li eluf ta’ nies segwew fuq it-televiżjoni, is-Sibt. 

“Iffirmajt iċ-ċertifikat taż-żwieġ li huwa dokument legali. Inkun għamilt reat kriminali jekk inkun iffirmajtu filwaqt li naf li huwa falz,” spjega dan l-Arċisqof. 

Minkejja li baqa’ jinsisti li ż-żwieġ tal-koppja Sussex sar dakinhar, l-Arċisqof ta’ Cantebury qal li ma jistax jiddiskuti x’sar u x’intqal fil-laqgħat privati li kellu magħhom.

Barra din id-dikjarazzjoni mill-Arċisqof innifsu, kien hemm persuni oħra li kienu xettiċi dwar dak li qalet l-eks attriċi tas-serje “Suits”, Meghan. Bħala liġi, fir-Renju Unit, iż-żwieg tagħha mal-Prinċep Harry biex ikun validu huwa meħtieġ li jkun hemm żewġ xhieda preżenti fiċ-ċerimonja. 

Share With: