“Mhuwiex taħwid li persuna terġa’ tibda relazzjoni”

Is-separati u r-romol… is-sess, is-saħħa u l-importanza li ma tqabbilx lill-persuna l-ġdida ma’ dik ta’ qabel

Miktub minn Carmen Cachia

Id-dinja li ngħixu fiha dejjem tinbidel. F’dawn l-aħħar snin rajna ħafna żwiġijiet jisfaxxaw u dan iseħħ għal diversi raġunijiet. Li persuna tibqa’ waħidha, b’mod speċjali jekk tkun għada żgħira fl-età, hija iebsa u anke sa ċertu punt ħasra. L-imħabba u r-relazzjonijiet bejn il-koppji meta jirnexxu huma xi ħaġa sabiħa ħafna u ta’ min jgħixhom. Dan japplika wkoll għar-romol li jmutilhom l-għażiż raġel jew mara tagħhom. Dawn fl-imgħoddi, kien rari li jerġgħu jiżżewġu u kienu jkomplu l-bqija ta’ ħajjithom waħidhom iddedikati lejn uliedhom. Illum il-ġurnata, il-mentalità nbidlet u ħafna jemmnu u huma favur, li ladarba żwieġ jintemm u ladarba dak li jkun iħossu lest, jista’ jerġa’ jsib l-imħabba f’relazzjoni ġdida. Hemm min, però, jiġġudika u jikkumenta li dawn il-“modi” ġodda huma perikolużi għax iġibu t-“taħwid”, tkissir ta’ familji u xi drabi mard. Dan is-sit għal darb’oħra jidħol f’dan is-suġġett delikat mat-terapista tas-sess, Matthew Bartolo, li filwaqt li jisħaq fl-importanza tas-saħħa sesswali u jfarrak tabù tat-tfal barra ż-żwiġijiet, jisħaq li l-problema taż-żieda fis-separazzjonijiet mhix fix-xewqa ta’ avventuri sesswali ġodda, iżda taħlita ta’ affarijiet b’mod speċjali t-trobbija tat-tfal b’ideoloġija individwalista u l-fatt li l-flus saru importanti wisq.

In-numru ta’ nies separati mhux bilfors jaffetwa t-taħwid fis-sess. U skond xi tfisser biha taħwid fis-sess. Li persuna tiltaqa’ ma’ ammont ta’ nies sa ma tissetilja, m’huwiex taħwid.  Li persuna tesplora sesswalment mhux taħwid. U huwa ħsieb perikoluż li nwaħħlu f’nies li ppruvaw jgħixu relazzjoni ewlenija u dejjiema u għal xi raġuni ma rnexxielhomx, għal xi tip ta’ taħwid ta’ sess.  

Taħseb li l-ħsieb ta’ dawn l-avventuri qegħdin iwasslu għal aktar separazzjonijiet?

Nemmen li dak li qiegħed iwassal għal separazzjonijiet huwa li t-tfal qegħdin jiġu mrobbija b’ideoloġija individwalista, fejn kulħadd jaħdem kemm jiflaħ ħalli jistagħna finanzjarjament. Biex taxxaqaha, kulħadd mgħallem iżomm il-kont tiegħu u għalhekk l-koppji jispiċċaw ikejlu kemm ħalsu għax-xirja u meta ħargu l-aħħar. 

Is-sagħra mbagħad tiġi ħin misruq mill-familja għax dak li jkun qiegħed jaħdem għalih innifsu.  Mhux ta’ b’xejn imbagħad il-partner ikun irid li xorta tieħu ħsieb it-tindif fid-dar. Ara meta jkun hemm but wieħed u kulħadd jaħdem għall-aħjar tal-familja, hemm kulħadd jaf li jaqbillu jgħix f’post nadif u jekk xi ħadd se jagħmel siegħa xogħol żejda, jafu li dan isir għall-familja.  

Hemm l-idea li għandek bżonn tieħu ħsieb tiegħek innifsek għax relazzjoni taf tispiċċa; il-biżgħa li llum kulħadd lest ibambalulek u allura m’għandek tafda lil ħadd; u li l-valur tal-individwu huwa meqjus minn kemm jipproduċi flus. Hija taħlita ta’ dawn l-affarijiet li qiegħda tkisser il-familji. Żgur mhux li persuna trid tesperimenta sesswalment. 

L-avventuri jistgħu jsiru mas-sieħba jew sieħeb. Meta naraw il-każijiet ta’ infedeltà, insibu li dawn huma biss madwar 20 sa 25% li jkunu minħabba sess. Każijiet oħra huma dwar nuqqas ta’ konnesjoni, inkella ħarba mir-rutina, jew aljenazjoni minn affarijiet iktar profondi. 

Meta mara sseparata tibda relazzjoni ħafna drabi tibża’ minn tabù jew tqala mhux ippjanata. Taħseb li fiż-żminijiet tal-lum għad hemm dan it-tabù u jekk iva għala? U dwar tfal illeġittimi, jew mhux fiż-żwieġ, għandek xi parir?

Nemmen li huma nisa differenti li jibżgħu li jinqabdu tqal mingħajr pjan. Din minħabba li llum kulħadd mgħallem li t-tfal sbieħ ħafna meta huma ppjanati u l-koppja ippreparat għalihom. Iktar milli tabù, illum in-nies mgħallma u jafu x’jistgħu jagħmlu biex jevitaw tqala mhux ippjanata.  

Vera niddejjaq naqra l-kliem “tfal illeġittimi” għax tfal huma tfal.  M’hemmx tfal legali jew le. Ovvjament, meta koppja mhix stabbli biżżejjed u tfal jiġu barra minn żmienhom, se jinħoloq paniku bejn il-koppja. Din tista’ anke tikkawża problemi lin-nanniet, li xi drabi jispiċċaw jerfgħu ħafna mir-responsabiltà u anke t-tfal li jaf jitwieldu ġo familja mingħajr ir-riżorsi li għandhom bżonn. Però, illum il-ġurnata, hawn ħafna x’wieħed jista’ jagħmel biex ma jkollux tfal qabel iż-żmien.  

Il-mewt tfakkarna fil-ħajja…

Ir-romol li jixtiequ jibdew relazzjoni ġdida ħafna drabi jibżgħu minn mard jew iħossuhom li ma jistgħux jerġgħu iħobbu. Taqbel u għala wħud iħossuhom hekk?

Meta niltaqa’ ma’ romol nismagħhom jitkellmu dwar lealtà lejn ir-ragel jew il-mara li kellhom.  Din tiġri ħafna, li meta nitilfu lil xi ħadd bħal donnu nħossu li la huma m’għadhomx magħna, imisna aħna wkoll nitilfu biċċa minn ħajjitna.  Bħal donnu biex inħossu li l-ħajja hija iktar ġusta.  

‘Huwa m’għadux hawn, mela jien mhux se nkun intimu/a ma’ ħadd’. Però l-mewt tfakkarna fil-ħajja. Meta nitilfu lil xi ħadd għal qalbna huwa importanti li nirrispettaw il-memorja tagħhom però importanti wkoll li niftakru li aħna għadna ħajjin. Għalhekk important li ngħixu.  Kulħadd ikollu bżonn ta’ kumpanija, hija liema tip ta’ kumpanija hija. 

Hemm romol li jagħżlu li jibnu ħbiberiji ma’ grupp ta’ nies, oħrajn li jkollhom ħbiberija ma’ persuna waħda li ssir intima u oħrajn li jgħixu għal uliedhom. Ma naħsibx li hemm waħda aħjar minn oħra, ġaladarba dak li jkun ikun kuntent bil-ħajja li qiegħd jagħżel.  

L-esperjenza tiegħi ta’ romol hija frustrazzjoni li jixtiequ jerġgħu jibdew il-ħajja però ma tantx hawn fejn jistgħu jmorru biex jiltaqgħu ma’ nies ġodda. 

X’tgħidilhom klijenti li jiġu f’diffikultajiet relatati ma’ mard trasmess sesswalment?

Importanti ħafna li jfittxu t-trattament li għandhom bżonn. Hija x’inhija l-marda, aktar ma tibda trattament kmieni, aktar se tnaqqas is-sintomi u anke żżid iċ-ċans li tfieq. Responsabbiltà lejn ħaddieħor titlob ukoll li tipproteġi lil ma’ min qiegħed ikollok kuntatt billi tuża kontraċettivi u anke tgħidilhom bl-infezzjoni tiegħek.  

Hemm esperjenzi li tista’ taqsam magħna u l-ħsibijiet tiegħek dwar dawn?

Nemmen li għandna bżonn edukazzjoni sesswali ħafna iktar inklussiva. Niltaqgħu ma’ ħafna nies li minħabba nuqqas ta’ edukazzjoni, jew nuqqas ta’ esperjenza, jispiċċaw jibilgħu marda. Is-sess u sesswalità huma sbieħ. Wieħed irid jagħraf kif jesprimihom bla ma jagħmel ħsara lilu nnifsu jew lil ħaddieħor.  

Tidħlux f’relazzjoni għax tħossukom waħidkom…

Bħala terapista tas-sess, x’messaġġ tgħaddi lill-persuni separati u romol li joħorġu mill-monogamija tas-sess taż-żwieġ?

Kull telfa għandha bżonn iż-żmien tagħha. Idealment, wieħed m’għandhux jgħaġġel u jidħol f’relazzjoni oħra għax iħossu waħdu. Ladarba int tħoss li tista’ tiltaqa’ ma’ xi ħadd, għamel hekk.  Però, żomm f’moħħok li din hija persuna ġdida u li tqabbilha mal-persuna ta’ qabel, m’inti se tagħmel ġid lil ħadd. 

Il-memorja għandha ħabta tfakkarna f’affarijiet sbieħ meta persuna tkun ħallietna u fil-ġlied kollu meta persuna nkunu ħassarna minn magħha. Din il-persuna ġdida ħaqqa ċ-ċans tagħha.

Min hu Matthew Bartolo?

Matthew Bartolo huwa Sesswologu, Terapista tas-Sess u Relazzjonijiet, kif ukoll Counsellor li ggradwa f’Londra b’Masters f’Sex and Relationship Therapy. Huwa jagħmel parti mit-tim ta’ Willingness li fi ħdanu hemm is-Sex Clinic Malta. Għal aktar informazzjoni żuru l-paġna tiegħu fuq Facebook https://www.facebook.com/counsellormatthewbartolo

Dawk il-qarrejja li għandhom xi domandi lil Matthew Bartolo jistgħu jiktbulna fuq l-indirizz elettroniku: carmenorizzont@gmail.com

Share With: