Mart il-PM tiltaqa’ mal-unika tliet pumpiera nisa fost żjarat oħra fil-Jum Internazzjonali tal-Mara

Fil-Jum Internazzjonali tal-Mara, mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela żaret id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, il-kumpanija tal-ajru Air Malta, u l-kumpanija Raesch Quarz – żjarat li matulhom iltaqgħet ma’ numru ta’ impjegati nisa li joffru dak kollu li jafu f’servizz lejn pajjiżhom u s-soċjetà.

Waqt iż-żjara tagħha fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili f’Ħal Far, Dr Abela ltaqgħet ma’ Leanne Newell, Mandy Briguglio u Dorothy Sammut li huma l-unika tliet pumpiera nisa fi ħdan id-dipartiment. Dawn huma tliet impjegati li ilhom joffru s-servizz tagħhom mill-2019, snin ta’ servizz li matulhom stqarrew li ma ħallew ebda sterjotipi jxekklu l-aspirazzjonijiet tagħhom.

Dr Lydia Abela esprimiet l-apprezzament tagħha għall-ħidma diffiċli li jwettaq id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, b’mod partikolari l-kuraġġ u d-determinazzjoni tat-tliet pumpiera nisa li llum għandhom karriera li storikament dejjem kienet iddominata mill-irġiel.

Matul iż-żjara li għamlet lill-kumpanija tal-ajru Air Malta, Dr Lydia Abela ltaqgħet ma’ Charmaine St John li hija pilota u ma’ Maria Mifsud li tifforma parti mill-ekwipaġġ tal-kabina. Iż-żewġ nisa esprimew is-sodisfazzjon tagħhom li qegħdin jaħdmu f’ambjent li jippromwovi l-ugwaljanza u li jemmen fil-ħiliet tal-impjegati irrispettivament mill-ġeneru tagħhom.

Mart il-Prim Ministru żaret ukoll il-kumpanija Ġermaniża Raesch Quarz, li fetħet il-bibien tagħha f’pajjiżna fl-1997 – kumpanija li timmanifattura prodotti tal-ħġieġ u li tħaddem 45 persuna.

Id-Direttur Maniġerjali Marisa Xuereb spjegat li 20 minn dawn l-impjegati huma nisa. Nisa li wħud minnhom għandhom rwol fit-tmexxija tal-kumpanija, hekk kif 50% tal-amministrazzjoni hija magħmula minn nisa. 

Dr Lydia Abela kellha kliem ta’ tifħir għas-sens ta’ ugwaljanza li jirrenja f’din il-kumpanija. Esprimiet ukoll is-sodisfazzjon tagħha li tara impjegati nisa f’xogħlijiet tas-sengħa, li għal snin twal kienu assoċjati biss mal-irġiel.

Hija temmet tgħid li stejjer bħal dawn għandna ngħixuhom u niċċelebrawhom matul is-sena kollha hekk kif huwa biss b’dan il-mod li naslu għal soċjetà dejjem aktar ugwali.

Share With: