Mara ħatja li qabżet il-bejt tal-ġirien biex tkellem ġar

Mara minn Ħal Qormi kienet immultata €25 wara li nstabet ħatja li qabżet fuq il-bejt tal-ġirien biex tkellem ġar ieħor minflok ma toqgħod tinżel it-taraġ.

Il-Pulizija akkużat lil Elizabeth Agius li fil-15 ta’ Ottubru 2019 daħlet fil-proprjetà ta’ Alessio Cassar u Isabel Marie Portelli.

Cassar u Portelli għamlu rapport lill-Pulizija li Agius kienet qabżet fuq il-bejt tagħhom u anke waddbet ilma fuq l-istess bejt.

Huma qalu li sabu anke ħmieġ fuq il-bejt u kien għalhekk li ddeċidew li jħallu t-telefon ċellulari jirrekordja dak li ġara.

Min-naħa tagħha Agius ammettiet li qabżet biex tieħu xi ħaġa mingħand il-ġar tagħha Alfred Mula ħalli ma toqgħodx tinżel it-taraġ imma ċaħdet li riedet tisraq.

Hija sostniet li qabżet ukoll biex tiknes il-bejt għax darba farfret il-papoċċ u waqqgħet it-trab fuq il-bejt tagħhom.

Wara li semgħet x’kellhom xi jgħidu ż-żewġ naħat il-Maġistrat Simone Grech sabitha ħatja u immultata €25.

Share With: