Mara b’kanċer tal-musrana tgħid li l-kuraġġ huwa nofs il-fejqan

Tgħid li s-sapport tal-familja u l-messaġġi ta’ sħabha tawha l-qawwa biex tikkumbatti

Miktub minn Maria Azzopardi

“Agħmlu kuraġġ. Fejn hemm il-ħajja, hemm it-tama u l-kuraġġ huwa nofs il-fejqan. Ma ridtx naqta’ qalbi u s-sapport, il-messaġġi u l-kliem li kienu jgħiduli tal-familja u ħbieb tiegħi tawni s-saħħa minkejja li f’sitwazzjoni daqshekk kerha.”

Hekk stqarret Josianne Portelli, mara miżżewġa ta’ 48 sena u omm ta’ ġuvni. Ma’ dan il-ġurnal hija rrakkontat kif ftit ilu hija rċeviet l-aħbar li sfortunatament għandha kanċer tal-musrana u li wara 15-il ġurnata l-isptar, fejn kellha tagħmel operazzjoni maġġuri, irritornat lura d-dar mal-familja. Minkejja l-aħbar xokkanti, Josianne xorta waħda għadha tħares lejn il-ħajja b’mod pożittiv u tappella biex wieħed ikun kuraġġuż għax il-kuraġġ huwa nofs il-fejqan. Minn dak iż-żmien, hija rċeviet bosta messaġġi u kliem ta’ kuraġġ mingħand tal-familja, sħabha u l-kollegi tagħha li tammetti li dawn kienu tassew ta’ sapport kbir.

“Bdejt inħoss saħħti sejra lura anke nimxi bdejt qisni naqta’ nifsi”

Kollox beda hekk kif lejn l-aħħar ta’ Jannar, Josianne ma bditx tħossha tajjeb u marret ġewwa ċentru tas-saħħa fejn għamlulha xi testijiet. Madanakollu, wara 15-il ġurnata hija xorta waħda baqgħet ma tħossix tajjeb u bdiet tħoss saħħitha sejra lura tant li anke waqt li timxi bdiet bħal donnu taqta’ nifisha.

“Fit-22 ta’ Frar għamilt lejl vera ħażin muġugħa u anka deni kelli imma xit-3 a.m. irnexxieli norqod u l-għada ddeċiedejt li mmur ix-xogħol. Kont ilni xi 15-il ġurnata nieħu sick u bdejn nistħi nerġa’ nċempel sick,” qalet Josianne li taħdem bħala support worker mal-persuni b’diżabilità ġewwa ċentru ta’ matul il-jum.

Hija kompliet tirrakkonta kif ħadu lill-klijenti passiġġata u xejn ma ħassitha tajba. Iddeċidiet li ċċempel lit-tfajla tat-tifel peress li hija tabiba u qaltilha li kienet sejra għaliha u tiħodha l-emerġenza pero Josianne qaltilha li l-aħjar li wara x-xogħol.

Josianne marret lura x-xogħol u qalulha li l-aħjar ħaġa kienet li tmur id-dar. Fil-fatt kollega tagħha offriet li twassalha d-dar imma kif kienu kważi waslu, qaltilha li aħjar tiħodha l-emerġenza u hekk għamlu. Hemmhekk qalet lit-tabib x’kienet qed tħoss u hu qalilha li kien hemm bżonn li jittiehdu xi testijiet tad-demm biex jaraw jekk kienx hemm bżonn li jagħmlu CT scan.

“Qatt ma ħassejtni daqshekk waħdi”

“Ħarġu r-riżultati u effettivament kelli bżonn CT scan. Ħaduli u wara xi 45 minuta, ġie tabib ikellimni u qalli li kienu sabu massa fuq il-musrana li setgħet kienet boċċa materja, infezzjoni jew kanċer u għalhekk ridt nibqa’ l-isptar. Dak il-ħin infqajt nibki. Qatt ma ħassejtni daqshekk waħdi. It-tabib qed jagħtik aħbar daqshekk kerha u minħabba s-sitwazzjoni tal-Covid-19 tkun waħdek,” qalet Josianne fejn stqarret li l-aħbar kienet xokkanti ferm tant li moħħha bħal donnu waqaf u ma kinitx taf x’se tagħmel. 

“Elf ħsieb beda għaddej. Ġo moħħi bdejt ngħid, kif jista’ jkun? X’se jsir minni? X’se jagħmluli? Kif se ngħid lit-tifel u r-raġel? Għamluli t-test tal-Covid-19, ħaduni fis-sala u l-għada għamluli l-ewwel proċedura minn fejn ħadu xi kampjuni.”

Wara dan, il-kirurgu qalilha li se jkollhom joperawha b’mod urġenti għax il-kampjuni li ħadu wrew li hemm kanċer.

Operazzjoni li damet erba’ sigħat

L-operazzjoni li għamlet damet erba’ sigħat fejn neħħewlha biċċa mill-musrana u l-lining tal-kilwa tax-xellug. Wara l-operazzjoni saret taf li kien ‘obstructive tumor’ u li neħħewlha kollox u bagħtuhom il-laboratorju. Qaltilna li kif joħroġ ir-riżultat jgħidulha jekk għandix bżonn xi kimoterapija jew raġġi.

“Waqt li kont qiegħda l-isptar waqfu ż-żjarat minħabba l-Covid-19 fejn ħadd ma seta’ jidħol. Jien kont ġo kamra waħdi muġugħa b’xi erba’ pajpijiet u mbeżża’,” irrakkontat Josianne filwaqt li ammettiet li l-fatt li ħadd ma seta’ jżurha affettwata wkoll. “Imma fil-kamra kien hemm kurċifiss u l-ħin kollu nitkellem miegħu. Irċevejt ħafna messaġġi wkoll.”

“Ma ridtx inħalli din is-sitwazzjoni tkissirni”

Josianne kompliet tirrakkonta: “Kien hemm ġranet fejn kont se naqta’ qalbi imma jien dejjem iġġilidt għal kollox f’ħajti. Ma ridtx inħalli din is-sitwazzjoni tkissirni. Kont naħseb fit-tifel, fir-raġel, fil-familja u l-ħbieb li kellhom fiduċja fil-karattru b’saħħtu li dejjem urejt. Ma ridtx naqta’ qalbi. Ridt niġġieled. Fost l-għajnuna li rċevejt, sibna għajnuna kemm jien u kemm ir-raġel mill-Aġenzija Sapport u Crpd.”

“Il-prijoritajiet tiegħi issa huma li ngawdi l-ħajja u kulma toffri”

Josianne qalet li fil-ħmistax li għamlet weħidha ħasbet ħafna u tistqar li ċertu ħsibijiet inbidlu tant li l-prijoritajiet tagħha issa huma li tgawdi l-ħajja u kulma toffri u biex tgħaddi aktar ħin mal-familja. Waqt l-intervista spjegatilna li trid tgħix ġurnata b’ġurnata u ma tħallix għall-ġurnata ta’ wara dak li tixtieq tagħmel illum b’mod speċjali għax il-ħajja għandha ħafna x’toffri.

“Bħalissa qed nieħu saħħti lura, imma naf li kif jgħaddi dan kollu u s-sitwazzjoni tal-Covid-19, se ngawdi iktar il-ħajja,” temmet tgħid b’ton pożittiv Josianne.

Share With: