Malti ħati li ta daqqa lil Taljan fil-parti ġenitali

Il-midrub mar iħabbatlu għax dejqitu l-mużika b’volum għoli

Żagħżugħ ta’ 19-il sena li kellu xi jgħid ma’ Taljan fil-blokka tal-appartamenti fil-Ħamrun fejn joqgħodu nstab ħati li ikkaġunalu ġerħa ħafifa fil-parti ġenitali wara li tah daqqa ta’ sieq.

Eman Alexander Cross kien mixli mill-Ispettur Matthew Galea li fis-17 ta’ Frar 2019, għall-ħabta tal-9.45 a.m. fil-blokka ta’ appartamenti fi Triq Mountbatten, ikkaġuna ġerħa gravi lil Massimo Ciarla.

Il-vittma xehed kif dakinhar qam bl-istorbju li kien ġej minn appartament fl-istess blokka fejn joqgħod, tela fejn l-appartament minn fejn kienet ġejja l-mużika u ħabbat il-bieb fejn fetħulu mara u raġel.

Huwa beda jispjegalhom li l-volum tal-mużika kien qed idejqu imma huma bdew jgħajjtu miegħu u mbuttawh ‘il barra mbagħad ġie l-akkużat li tah daqqa daqqa ta’ sieq fil-parti ġenitali tiegħu u kellu jmur l-Isptar Mater Dei peress li kien muġugħ.

Is-sieħba tiegħu, Jonalyn De La Cruz, sostniet li x’ħin telgħet biex tara x’qed jiġri rat raġel u mara jgħajjtu ma’ Ciarla mbagħad lill-akkużat jagħtih daqqa bis-sieq u rrakkuntat kif kellhom imorru l-isptar.

Għalkemm fil-Qorti ma xehedx, fl-istqarrija l-akkużat sostna li r-raġel li daħal f’darhom ipprova jgħolli jdejh fuq ommu u kien għalhekk li tlewwmu imma nsista li dak li ġara kien fl-appartament mhux fil-komun.

Caroline Farrugia, omm l-akkużat, ukoll insistiet fix-xiehda tagħha li Ciarla kien aggressiv magħhoim u qabad u daħal ġewwa kif ukoll li hija u l-ħabib ta’ binha Stefan Debono bdew jimbuttawh biex joħroġ anke jekk beda jirreżisti.

Farrugia ċaħdet li kienet qed tindaqq il-mużika jew li rat lil binha jagħti bis-sieq lit-Taljan waqt li meta mistoqsija jekk binha jipprattikax l-karate qalet li kien waqaf xi snin ilu.

Debono wkoll xehed fejn sostna li sieħbu aġixxa biex jiddefendi lil ommu mill-aggressjoni li wera lejhom Ciarla.

Wara li semgħet dawn ix-xhieda l-Maġistrat Rachel Montebello qalet li kienet iffaċċjata b’żewġ verżjonijiet fejn fuq naħa l-vittma u s-sieħba tiegħu qed jgħidu li l-inċident seħħ fil-komun u fuq in-naħa l-oħra l-akkużat, ommu u Debono li qalu li l-arguement seħħ biss ġewwa.

Hija sostniet li waqt li l-vittma u s-sieħba tiegħu kienu konsistenti mhux l-istess setgħet tgħid fuq Farrugia speċjalment meta kienet mistoqsija jekk binha jipprattikax il-karate.

Il-Maġistrat Montebello sostniet li mhux biss ħareġ li sa xahar qabel l-inċident  l-akkużat kien jipprattika l-karate u li fl-istqarrija lill-Pulizija ammetta li kien ta daqqa ta’ sieq lil Ciarla għalkemm insista li għamel hekk biex jipproteġi lil ommu.

Kien irrimarkat li għalkemm moralment konvinta li Ciarla ħabbat fuq il-bieb tal-akkużat biex jaffrontahom minħabba l-istorbju tal-mużika daqstant ieħor moralment konvinta li huwa kien ikkonfrontat b’mod aggressiv minn Farrugia u Debono sakemm ġie l-akkużat li tah id-daqqa ta’ sieq.

Waqt li sabitu ħati li ikkaġuna ġerħa fuq Ciarla l-imsemmija maġistrat sostniet li mill-provi rriżulta li din ma kinitx gravi imma ta’ natura ħafifa.

Meta ġiet biex tagħti l-piena hija ikkunsidrat, fost oħrajn, l-età żgħira ta’ Cross li dakinhar kien għad kellu biss 17-il sena u li ta’ 15-il sena kien diġà nstab ħati li ħebb għall-prefett tad-dixxiplina tal-iskola.

“Għall-Qorti, huwa evidenti minn dan kollu li l-imputat għandu bżonn xi forma ta’ kontroll f’ħajtu biex jiġi assigurat li f’din l-età tant kruċjali għall-formazzjoni tal-ħajja futura tiegħu jżomm ‘il bogħod mid-delinkwenza u mit-triq tal-kriminalità li diġà jidher li jinsab viċin li jaqbad”.

Kien għalhekk li iddeċidiet li tpoġġih taħt ordni ta’ probation għal żmien sentejn.

Share With: