Malta l-ħames l-iktar pajjiż li jaħli ikel

F’pajjiżna jintrema 129 kilo kull persuna fis-sena meta l-medja fid-dinja hija ta’ 75 kilo

Rapport tal-Ġnus Maqgħuda jpoġġi lil Malta fil-ħames post fil-lista tal-iktar pajjiżi li jarmu ikel meta mqabbel mal-popolazzjoni.

Il-Food Waste Index Report 2021 iqis l-ikel li jipproduċu l-pajjiżi u dak li jintrema.

Mill-aħħar rapport jirriżulta li minn madwar 5.3 biljun tunellata ikel li tipproduċi d-dinja 931 miljun tunellata jintrema. Dan ifisser medja ta’ 74 kilo kull persuna.

Minn dan l-ammont mormi 61% ikun ikel li jintrema mid-dar, 26% minn dawk li jipprovdu l-ikel u 13% mill-ħwienet.

Il-ħela fid-djar f’Malta hija ikkalkulata li tlaħħaq il-129 kilo kull persuna bl-agħar pajjiż ikun in-Niġerja li fih jintrema 189 kilo għal kull persuna.

It-tliet pajjiżi l-oħra b’rata ogħla minn Malta f’dak li huwa rimi ta’ ikel huma Rwanda b’164 kilo kull persuna, il-Greċja b’142 kilo kull persuna u l-Bahrain b’132 kilo għal kull persuna.

Jekk nieħdu pajjiżi oħra fl-UE r-rapport juri li fi Franza jintremew 85 kilo, fil-Ġermanja 75 kilo kull persuna u fl-Italja 67 kilo dejjem mid-djar.

Pajjiżi oħra jvarjaw minn 77 kilo fir-Renju Unit, 64 kilo fiċ-Ċina u l-Ġappun, 59 kilo fl-Istati Uniti u 33 kilo kull persuna fir-Russja.

Share With: