“M’aħna qatt se ninsew it-tbissima tiegħek” … Kulleġġ b’bandiera mezz’asta għat-telfa traġika ta’ studenta

Miktub minn Carmen Cachia

Il-Kulleġġ ta’ Santa Klara ta’ Pembroke tella’ l-bandiera tiegħu mezz’asta bħala tislima lil Miriam Bodokai, waħda mill-istudenti fil-livell Sekondarju li ħallitna fl-età tenera ta’ 12-il sena.

B’sogħba din l-iskola ssellem lil din l-istudenta deskritta bħala tifla bi tbissima li ddawwal kullimkien. F’messaġġ fuq il-midja soċjali l-Kulleġġ ta’ Santa Klara jingħad li Miriam kienet xempju ta’ kemm huwa aħjar li persuna tkun qalbha tajba, milli popolari u li qatt m’huma se jinsewha.

Din l-aħbar kerha misset lil ħafna nies li ħallew ħafna messaġġi li fihom stqarru li kemm huma bħala ġenituri, kif ukoll it-tfal studenti li kienu jafu lil Miriam, huma ddispjaċuti u mdejqa ħafna b’din it-telfa bikrija.

It-tifla kienet fil-klassi 8.5 u l-iskola qalet li l-istudenti kif ħadu l-aħbar, irreaġixxu b’modi differenti fejn, l-aqwa ħbieb tagħha jingħad li qegħdin isibuha diffiċli li jaċċettaw il-fatt li Miriam għaddiet għall-ħajja eterna, mentri wħud mill-istudenti wrew rispett fis-silenzju.

L-amministrazzjoni kitbet li, “kull student jikkontribwixxi fil-komunità li noħolqu flimkien fl-iskola Sekondarja tal-Kulleġġ ta’ Santa Klara. It-telfa ta’ xi student, partikolarment f’età daqshekk tenera, tweġġgħana ħafna lkoll kemm aħna”.

Filwaqt li l-iskola esprimiet is-sogħba tagħha u tat il-kondoljanzi lill-familja tat-tifla, assigurat lill-ġenituri tal-istudenti milquta li l-counsellors u l-guidance teachers qegħdin jassistuhom biex jipproċessaw it-telfa ta’ ħabibthom. 

Il-ġenituri huma avżati li dan is-servizz ta’ sostenn mill-Kulleġġ huwa offrut lill-istudenti kollha li jixtieq jitkellmu u jesprimu dak li qegħdin iħossu minħabba dan l-avveniment traġiku.

Share With: