“Ma ħaqqniex inqattgħu l-aħħar ta’ ħajjitna hekk”

Anzjan iħossu priġunier fqir f’daru minħabba l-Covid-19… Appell għall-kontroll tal-prezzijiet

Miktub minn Carmen Cachia          

Il-pandemija globali, li issa ilha kważi sena magħna, ħalliet effetti negattivi fuq kulħadd u fuq kollox. Mil-lat soċjali u emotiv għandna tfal li fil-bidu ta’ ħajjithom kellhom jadattaw ruħhom għal bidliet radikali fir-rutina u anke fl-aġir tagħhom ma’ sħabhom fl-iskola u min-naħa l-oħra għandna anzjani li l-uniku ftit wens ta’ kumpanija li kellhom minn qraba u ħbieb, issa spiċċaw iżolati u mwerwra li jekk jaqbadhom il-virus, imutu ħesrem u waħidhom. Dan is-sit iltaqa’ ma’ anzjan ta’ 73 sena fejn sostna li l-Covid-19 kissirlu ħajtu għax barra d-dwejjaq kbar ikkawżati minn solitudni, qiegħed ukoll ikollu diffikultajiet kbar finanzjarji minħabba li l-prezzijiet splodew u ma jistax ilaħħaq mal-ħajja. 

“Jien dejjem hawn u xi kultant jaqbduni dwejjaq kbar għax kemm se ndum ġewwa? L-anzjani qegħdin jitilfu d-dinjità tagħhom hekk u din hija sitwazzjoni kerha ħafna għalina. Imdorri nkun nieqes mill-flus imma mindu beda l-Covid-19, qiegħed immur lura ħafna mill-flus. Din kulħadd qiegħed iħossha żgur u iġri jgħaddi kollox malajr u b’wiċċ il-ġid għax ma ħaqqniex inqattgħu l-aħħar ta’ ħajjitna hekk”. Din hija l-karba u fl-istess ħin appell ta’ anzjan, li se nirreferu għaliha bħala Guido, li tkellem ma’ dan il-ġurnal biex iqajjem għarfien dwar ir-realtà li qegħdin jgħixu fiha ħafna anzjani. 

Guido beda biex qalilna li jgħix bil-pensjoni tal-Istat fejn ta’ kull xahar jirċievi madwar €600 pensjoni, kif ukoll madwar €100 oħra bħala għajnuna suplementari minħabba mard kroniku li jbati bih. Huwa sseparat, uliedu issa kollha kibru u għandhom il-familji tagħhom. Għaldaqstant, huwa jgħix waħdu.

Dan l-anzjan ilu snin twal ibati minn dipressjoni minħabba li l-ħajtu ma kinitx waħda daqstant faċli. Barra minnhekk madwar 10 snin ilu beda jbati biz-zokkor fid-demm u din il-kundizzjoni kompliet tikkomplikalu saħtu u ħajtu b’mod ġenerali. Għal dawn il-kundizzjonijiet tas-saħħa huwa jingħata mediċini mill-Gvern iżda żied jispeċifika li, “hemm xi mediċini li jkolli nixtrihom fosthom il-pilloli taz-zokkor għax dawn mhux dejjem jagħtuhomli”.

“F’din l-aħħar sena l-ħajja għoliet wisq…”

Mal-ispejjeż tal-ħajja normali ta’ kuljum, dan l-anzjan iħoss li żdiedlu l-piż finanzjarju minħabba l-Covid-19. Guido qal li, “qabel kont b’xi mod ngħaddi bil-pensjoni li nieħu imma issa li bdiet din il-pandemija, l-affarijiet huma kollha għoljin. Inħossni li ma nista’ nitla’ ‘l fuq bl-ebda mod”.

Guido qal li, “f’din l-aħħar sena l-ħajja għoliet wisq. Almenu, issa se jżidilna l-pensjoni b’xi €7. Dak jgħin. Noqgħod ħafna attent x’nonfoq għax inkella ma nasalx sal-aħħar tax-xahar. Barra l-essenzjali bħal kera ta’ post tal-Gvern li ngħix fih, ikel modest u l-kontijiet tad-dawl u l-ilma, kull m’għandi huwa d-delizzju tal-kompjuter”.

L-anzjan qalilna li għalih mn’alla kienu l-kompjuter u l-Internet għax bħala persuna vulnerabbli ilu kważi sena maqtugħ mill-bqija tad-dinja għajr meta jżuruh ‘l hemm u ‘l hawn it-tfal. Huwa u anke wliedu, jaraw li kemm jista’ jkun jimxu mal-miżuri tal-awtoritajiet tas-saħħa bħala prevenzjoni. Għaldaqstant spjega li din it-teknoloġija almenu tagħtih naqra wens għax iżomm kuntatt ma’ barra b’dan il-mod.

Guido jiftaħ qalbu dwar kemm iħossu waħdu u b’demgħa fuq ħaddejh qal li se tagħtih rasu. Huwa kien imdorri jitħallat man-nies ta’ kuljum u kien jogħxa jkollu lit-tfal jaqbżu ma’ saqajh. Fi ftit snin iħoss li tilef kollox. Meta rtira huwa kien mingħalih li se jistrieħ ftit u jkollu ċans aktar igawdi lill-għeżież tiegħu iżda l-Covid-19 ġabu priġunier f’daru stess u biex l-affarijiet jiggravaw, ġabu dahru mal-ħajt fil-flus fejn irid jara kif iqassam sal-inqas ċenteżmu biex ma jispiċċax “fixxa”.

“Jien kapriċċi m’għandi xejn. Kultant nixtri xi ħaġa żgħira għat-tfal. Nipprova noqgħod attent kemm jista’ jkun. Qabel il-Covid-19 kont aħjar avolja per eżempju safar qatt ma kien jeżisti għalija u allaħares ikolli xi emerġenza ta’ bżonn ta’ flus, għax m’għandix minn fejn,” spjega dan l-anzjan.

Huwa qal li kemm ilha li bdiet il-pandemija marritlu l-washing machine u l-ispin dryer iżda ma jistax iċempel lil xi ħadd biex jiġi jirranġahomlu għax m’għandux biżżejjed biex iħallas u anke jibża’ minħabba l-virus. “Dan mhux għax il-pensjoni m’hiex tajba imma għax hemm ħafna nies qegħdin japproffittaw ruħhom. Ma jimpurtahomx u jitolbu kemm iridu għal biċċa xogħol għax jafu kif aħna bħalissa. Dak li jkun, ikun iddisprat u jitlobu kemm ifetlilhom. Imbagħad jien anzjan u s-sitwazzjoni tiegħi hija agħar,” qal b’sogħba Guido.

Il-ħajja biss, iġġennek!

Huwa stqarr li  jekk alla ħares qatt tmurlu l-friġġ, ma jistax jaqbad u jixtri oħra. “Ikolli xorti jekk inwarrab imqar bejn €10 u €25 fix-xahar mill-pensjoni. B’dan il-mod għandi x-xhur sakemm nasal li nkun nista’ nixtri oħra. Il-ħajja biss biżżejjed biex iġġennek. Issa jien jiġi l-Milied… tgħidlix ma nixtrix dik ix-xi ħaġa żgħira lit-tfal. Nibda naħseb minn xhur qabel. Inrekken ftit ftit u xorta fl-aħħar ta’ Diċembru li għadda spiċċajt l-aħħar ġimgħa bla flus għalija,” kompla dan il-pensjonant.

Huwa qal li ta’ kull xahar jikkontja ta’ kif se jqassam il-flus biex ikollu biżżejjed sal-aħħar tax-xahar u jħossu ma jiflaħx aktar jikkombatti mal-ħajja.  Bħala ikel dan l-anzjan jillimita lilu nnifisu ħafna fejn fost l-oħrajn ma jiekolx ċertu laħam li huwa “daqsxejn itjeb” u ħafna drabi jara li jqassam borma fuq jumejn u ġieli anke tlieta. 

“Il-Gvern irid jara li jkun hemm kontroll fuq il-prezzijiet u li ma jkunx hemm aktar abbużi għax minħabba l-Covid-19 kulħadd qiegħed jgħolli m’għola s-smewwiet u ma tistax tkellimhom. Is-sitwazzjoni ma tidhirx daqstant fuq barra imma hemm qiegħda u ma nistgħux inkomplu sejrin hekk,” temm b’appell Guido.

Share With: