“Li tistenna erba’ snin la huwa raġjonevoli u lanqas bżonnjuż”

L-avukat Robert Thake jemmen li l-emendi proposti f’din il-liġi tad-divorzju se jkunu ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini

Minn Carmen Cachia

Ir-rata tad-divorzju f’Malta skont l-aħħar informazzjoni maħruġa minn Statista fl-2021 fuq is-sena bażi 2017, turi li hija l-inqas waħda fost il-pajjiżi Ewropej b’10.6 fuq kull 100 żwieġ. Dan il-perċentwal ta’ persuni li ngħataw id-divorzju lokalment f’dan il-perjodu, kollha kellhom jistennew erba’ snin mis-separazzjoni biex ikunu eliġibbli li japplikaw għad-divorzju fil-Qrati ta’ Malta.

Pajjiżna daħħal id-divorzju lura fl-2011 iżda s-sena l-oħra l-Gvern ippropona emendi f’din il-liġi fejn jirrigwarda l-perjodu ta’ stennija li koppja separata jkollha tagħmel qabel tkun tista’ tapplika għad-divorzju. Fit-tibdil propost, dan il-perjodu ta’ stennija minn erba’ snin, jinżel għal massimu ta’ sena. L-ORIZZONT tkellem mal-avukat Robert Thake fejn qalilna li l-kwistjoni koperta mil-liġi l-ġdida tad-divorzju hija xi ħaġa li kellha bżonn issir.

“Il-perjodu ta’ erba’ snin huwa wieħed mill-aktar, jekk mhux l-aktar, perjodu ta’ stennija fl-Ewropa u huwa twil wisq. Meta ġiet introdotta l-liġi tad-divorzju għall-ewwel darba f’Malta, il-kliem kienu intenzjonalment konservattivi biex dawk li kienu xettiċi, iħossuhom aktar komdi li jivvutaw favur il-liġi fir-referendum. Madankollu, fil-prattika, li tistenna erba’ snin la huwa raġjonevoli u lanqas bżonnjuż,” sostna Dr Thake.

L-avukat Robert Thake

Dan l-avukat spjega kif il-ħsieb tal-leġislatur u ta’ ħafna leġislaturi fl-Ewropa fir-rigward ta’ impożizzjoni ta’ prejodu ta’ stennija qabel wieħed jista’ jieħu d-divorzju huwa biex il-partijiet ikunu moralment konvinti li għandhom jieħdu dan il-pass. 

Sostna li, “huwa tajjeb li l-Gvern żamm perjodu ta’ żmien qabel wieħed jista’ japplika għad-divorzju, iżda huwa tajjeb ukoll li l-perjodu ġie ridott. Fil-prattika, nemmen li dawn l-emendi se jkunu ta’ benefiċċju għal ħafna ċittadini Maltin u Għawdxin”.

Huwa temm jgħid li riċentament l-Irlanda naqset il-perjodu ta’ stennija u peress li aħna slitna l-liġi tagħna minn dik Irlandiża, jidher li dan huwa pass fid-direzzjoni t-tajba.

Share With: