Leo Brincat: “Il-kriżi tal-Covid-19 tirriskja li tkabbar id-diskrepanza ekonomika u xxellef is-solidarjetà bejn il-pajjiżi tal-UE”

Meta lbieraħ filgħodu  għamel preżentazzjoni virtwali fl-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika Malti għall-uffiċjali tal-NAO, membri tal-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi, l-lnternal Audit & Investigations Department (IAID) u għadd ta’ uffiċjali ministerjali għoljin, il-Membru Malti fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri Leo Brincat qal li skont rapporti analitiċi li ħarġet il-Qorti fil-bidu ta’ din is-sena, jidher ċar li l-kriżi tal-Covid-19 tirriskja li tkabbar id-diskrepanza ekonomika u xxellef is-solidarjetà bejn il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.

Dawn ir-rapporti jittrattaw l-impatt fil-qasam ekonomiku u s-settur tas-saħħa kawża tal-pandemija.

Is-Sur Brincat kien qed jitkellem f’għeluq is-sena mindu l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) ddikjarat pandemija globali dwar il-Covid-19. Huwa wera l-fehma li għalkemm il-pakkett enormi ta’ għajnuna li l-Unjoni Ewropea qed tagħti lill-istati membri għandu jgħin biex itaffi dawn il-problemi, hemm riskji u sfidi kbar relatati mal-implimentazzjoni u mal-kordinazzjoni ta’ dawn il-miżuri.

Irrimarka li mir-rapporti joħroġ ċar li filwaqt li l-UE rreaġixxiet billi implimentat kordinazzjoni ekonomika flessibbli b’ferm iktar ħeffa milli għamlet waqt il-kriżi finanzjarja tal-2008, qal li dan hu proċess li se jdum għaddej. Żied li l-fatt li bosta pajjiżi ġibdu għal xawwathom, dan xellef l-isforzi kbar biex jinħolqu lqugħ sodi biżżejjed mill-UE għan-negozji, gvernijiet u anki għal min iħaddem. Dan inħass ukoll fil-qasam tas-saħħa speċjalment fil-bidu tal-pandemija u anki iktar tard, meta daħal il-vaċċin.

Is-Sur Brincat qal li skont il-figuri ppublikati fir-rapport, fosthom indikaturi economici, jidher li Malta kienet fost dawk il-pajjiżi reżiljenti.  

Huwa qal  li fil-qasam tas-saħħa, jawgura li t-tagħlimiet li joħorġu mir-rapport jgħinu lill-istess UE biex jekk tiġi biex tkabbar is-setgħat tagħha f’dan il-qasam, l-affarijiet isiru b’iktar galbu, iktar u iktar meta wieħed iqis li l-pandemija u r-riskju ta’ pandemiji oħrajn poġġew is-saħħa fuq quddiem nett tal-aġenda personali taċ-ċittadini Ewropew u anki tal-istati membri nfushom.

Hu spjega li dawn ir-rapporti mhumiex audits, għax iż-żmien kien qasir wisq biex isir dan, iżda r-rapporti analitiċi huma bbażati fuq informazzjoni pubblika u sondaġġi tal-awtoritajiet fiskali u tas-saħħa flimkien ma’ intervisti ma’ uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea nnifisha.   

Żied li jkunu xi jkunu l-iżviluppi fil-ġejjieni dwar l-aspett ekonomiku u dak tas-saħħa tal-Covid-19, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri impenjata, skont il-pjan ta’ ħidma tagħha, li matul din is-sena tittratta wieħed minn kull erbgħa audits tagħha kemm mat-tweġiba tal-UE għall-pandemija u anki dwar l-implimentazzjoni tal-inizjattiva Next Generation EU.

F’dan il-programm ta’ ħidma, li ġie ppubblikat ftit ilu, jidher li matul din is-sena u dik li ġejja, l-UE se tħares fost oħrajn lejn ix-xiri tal-vaċċini, kemm u kif ġew mobilizzati l-fondi tal-Coronavirus Response Investment Initiative permezz tal-fondi ESI biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-pandemija, il-qasam tas-sigurtà tal-ikel waqt il-pandemija – kemm għall-bdiewa u għas-sigurtà tas-supply chains tal-ikel – u bi prijorità kbira, il-proċess tal-approvazzjoni tal-pjani nazzjonali tal-irkupru u tar-reżiljenza li ġew sottomessi fi ħdan il-qafas tar-Recovery & Resilience Facility (RRF) flimkien mar-reżiljenza tal-istituzzjonijiet Ewropej waqt il-pandemija.

Share With: