L-użu tad-droga waqt il-pandemija

Jikteb il-Ministru Michael Falzon

L-użu tad-droga u s-sustanzi llegali jmur lura sekli sħaħ, f’kull rokna tad-dinja. Għamilna passi kbar, l-għarfien żdied, l-effetti ħżiena marbuta mas-sustanzi huma magħrufa sew. Sfortunatament l-użu tad-droga għadu hemm, u l-użu baqa’ stabbli fl-aħħar snin. 

Malta m’hijiex eċċezzjoni, l-użu tad-droga għadu magħna, u sar iktar diversifikat, b’diversi sustanzi ġodda u oħrajn sintetiċi jinfirxu fis-suq. Bħal daż-żmien sena, faqgħet il-pandemija u interessanti huma l-osservazzjonijiet dwar l-użu tad-droga, il-forniment u l-attentati biex tonqos id-domanda. 

Il-figuri mill-aħħar studju dwar l-alkoħol u d-drogi fl-iskejjel (ESPAD), juru li l-użu tal-alkoħol fost iż-żgħażagħ ta’ bejn it-13 u 16-il sena naqas,  filwaqt li jidher li fost il-populazzjoni adulta, il-kokaina u l-kannabis saret l-għażla fost dawk li jfittxu l-għajnuna għall-ewwel darba. In-numri ta’ nies li qed jirrikorru għall-eroina qed ikomplu jinżlu. 

Iridu nirrikonoxxu li d-droga tinsab fostna, anke fi żmien tal-pandemija. Il-fornituri tad-droga xorta sabu mezz jittrafikaw id-droga u jieħdu vantaġġ, billi jnaqqsu l-kwalita’ tad-droga disponibbli. Għamilna avvanzi kbar, anke fejn jidħlu qabdiet kbar tad-droga, iżda xorta waħda l-aċċessibilita’ tinsab hemm. Xogħolna huwa li ngħinu persuni li jispiċċaw vittma tad-drogi.

L-investimenti ta’ miljuni t’ewro ma waqfux, fiċ-Ċentri ta’ Rijabilitazzjoni mmexxija mis-Sedqa, il-Caritas u l-OASI. Servizz għal dawk taħt l-eta’ ta’ tmientax il-sena ser ikunu miġburin fil-post tal-Ibwar fis-Siġġiewi, fejn se jkun qed tingħata struttura mhux biss ta’ rijabilitazzjoni, iżda wkoll dik  edukattiva. 

Pajjiżna, għandu wkoll Politika Nazzjonali dwar id-droga li prinċipalment jindirizza l-problemi tad-droga illegali. Din l-istrateġija hija mibnija madwar sitt pilastri ewlenin: il-koordinazzjoni, il-qafas legali u ġudizjarju, it-tnaqqis fil-provvista u d-domanda, il-moniteraġġ, u l-finanzjament internazzjonali. Tmienja u erbgħin azzjoni huma stabbiliti taħt dawn il-pilastri.

Ir-rieda qegħda hemm, iżda rridu nagħmlu iktar, fi spirtu fejn ma niġġudikawx, u naraw biss kif se ngħinu lil kull min spiċċa vittma tad-droga. Din il-ġimgħa, l-Ministeru għas-Solidarjeta’ u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal flimkien mas-Segretarjat Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet, ħabbru investiment ta’ €90,000, sabiex tibda kampanja   mmirata għall-adoloxxenti kontra l-użu ta’ droga u sustanzi oħra. Mhux biss immirata lejn l-adolexxenti u l-ġenituri tagħhom, iżda wkoll lejn l-edukaturi. L-għan huwa li jinħoloq għarfien reali dwar l-abbuż ta’ sustanzi, filwaqt li nwittu t-triq biex ħadd ma jaqta’ qalbu jfittex l-għajnuna meta jkun hemm bżonn. 

Bit-tema, ‘Qegħdin hawn biex ngħinuk u mhux biex niġġudikawk’,  din il-kampanja se tkun qed twassal messaġġi li verament jolqtu ż-żgħażagħ fil-laħam il-ħaj, li tkun fiż-żarbun tal-adoloxxenti, filwaqt illi  tifhem l-pressjonijiet u anke l-kultura ta’ madwarhom.

Nemmen li kull persuna tagħmel għażliet kruċjali li jirriflettu fuq il-futur tagħhom, u permezz ta’ din il-kampanja se nagħtuhom l-għodda essenzjali għal għarfien dwar l-abbuż tas-sustanzi. Se naraw li nolqtu fierxa wiesgħa ta’ midja, li l-aktar tintuża fost l-adoloxxenti u ż-żgħażagħ. Il-mezzi nbidlu, u għalhekk rridu naraw li nwasslu messaġġi li jifhmu ż-żgħażagħ. Il-messaġġ finali għandu jkun, illi d-droga m’hijiex is-soluzzjoni imma l-problema!

Share With: