L-MUMN tgħid li ngħalqet sala f’Monte Carmeli u se jingħalqu iktar swali jekk ma jsirux xogħlijiet

Il-union tal-infermiera u l-qwiebel (MUMN) esprimiet id-diżappunt tagħha għall-istat li fih jinsab l-isptar Monte Carmeli, fejn qalet li din il-ġimgħa kellha tingħalaq sala oħra, b’detriment għall-pazjenti u s-servizz li jingħata fil-post.

Fi stqarrija maħruġa aktar kmieni, l-MUMN qalet li fl-aħħar tmien snin ingħalqu tmint iswali minħabba l-istat li kienu jinsabu fihom. Żiedet li uħud minnhom ilhom iktar minn sitt snin magħluqa. Qalet ukoll li minkejja li kien hemm bidla fic-CEO tal-post, is-sitwazzjoni baqgħet ma tranġatx.

Qalet li din is-sitwazzjoni qed twassal biex jitħalltu flimkien pazjenti b’kundizzjonijiet kroniċi ma’ dawk akuti. L-Union qalet li dan imur kontra l-prattika psikjatrika fl-Ewropa. Barra minn hekk qalet li jkun hemm problema biex jinstabu sodod meta jiddaħħlu pazjenti ġodda, b’konsegwenza li d-dinjità tal-pazjenti mhijiex tiġi irrispettata.

L-MUMN tenniet tgħid li s’issa ma sar l-ebda investiment ta’ rijabilitazzjoni kif kien imħabbar u li l-Union ma tistax tippermetti l-għeluq ta’ aktar swali mingħajr ma jsiru xi forma ta’ xogħlijiet. 

Share With: